Ħarsa ġenerali

Familji fil-bżonn, b’mod partikolari dawk li jinkludu tfal u anzjani, se jkunu qed jiġu assistiti permezz ta’ distribuzzjoni perjodika ta’ pakketti tal-ikel. Se ssir enfasi fuq it-titjib tal-kwalità tal-ħajja tan-nies li jgħixu f’dawn il-familji u biex jittaffa r-riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali.

Apparti mill-pakketti tal-ikel, il-familji se jingħataw ukoll l-appoġġ soċjali meħtieġ minn uffiċjali li huma professjonisti fil-qasam tal-ħarsien soċjali.

Dan il-proġett hu ko-finanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew+ tal-Unjoni Ewropea.

X’se tingħata

Permezz ta’ dan il-proġett, prodotti tal-ikel li huma kkunsidrati bħala tajbin għas-saħħa, se jitqassmu lil dawk li huma eliġibbli bil-għan li jgħinu lil dawn l-istess familji jżommu dieta bilanċjata u varjata.

Il-kontenut fil-pakketti tal-ikel imqassma taħt il-proġett ta’ Food 4 You Support jikkonsistu f’dan li ġej: Ċerejali (minn qamħ sħiħ), Corn Flakes, Għaġin, Ross, Ħaxix (fil-bottijiet), Polpa tat-Tadam (fil-bottijiet), Frott (fil-bottijiet), Tonn taż-Żejt, Corned Beef, Zalzett (fil-bottijiet), Fażola (fil-bottijiet), Kuskus, Legumi, kif ukoll Te’ u Kafè.

Dawn il-pakketti tal-ikel jitqassmu madwar tlett (3) darbiet fis-sena.

Eliġibbiltà

·        Kategorija 1: Familji li jirċievu benefiċċji mhux kontributorji u jgħaddu mit-test tal-mezzi u li għandhom żewġt (2) itfal jew iktar, taħt l-età ta’ tmintax-il (18) sena. 
·        Kategorija 2: Familji li għandhom żewġt (2) itfal jew iktar, taħt l-età ta’ tmintax-il (18) sena u li għandhom dħul ta’ inqas minn tmenin fil-mija (80%) tal-Paga Minima Nazzjonali.
·        Kategorija 3: Familji li għandhom żewġt (2) itfal jew iktar, taħt l-età ta’ tmintax-il (18) sena u li għandhom dħul li ma jaqbiżx il-Paga Minima Nazzjonali. 
·        Kategorija 4: Familji (u mhux persuni waħedhom) li jirċievu Pensjoni tal-età mhux kontributorja. 

Dawk il-persuni li huma eliġibbli taħt kategorija numru 2 t’hawn hawn fuq se jirċievu kaxxa tal-ikel addizzjonali. Barra minn hekk, dawk li huma eliġibbli taħt il-kategorija 1 u 3, iżda għandhom tlett (3) itfal jew aktar taħt it-tmintax-il (18) sena, għandhom ukoll jirċievu kaxxa tal-ikel addizzjonali. 

Kif tapplika

F’dan il-proġett, m’hemmx għalfejn tiġi sottomessa l-ebda applikazzjoni biex wieħed jibbenefika mill-kaxxi tal-ikel, peress li dawk kollha li huma intitolati biex jibbenefikaw minn dan il-proġett ser jirċievu ittra bil-quddiem li tinfurmahom li huma eliġibbli, kif ukoll jiġi indikat lilhom iċ-ċentru, id-dati u l-ħinijiet, minn fejn jistgħu jiġbru l-pakketti tal-ikel dovuti lilhom.

Il-pakketti tal-ikel jitqassmu minn tmintax-il (18) ċentru mifruxin madwar Malta u Għawdex biex kemm jista’ jkun jiffaċilitaw il-ġbir tal-ikel fost dawk li huma eliġibbli.

Għal tagħrif dwar jekk intix eliġibbli għall-Proġett Food 4 You Support jew għal kwalunkwè informazzjoni fuq il-proġett b’mod ġenerali, inħeġġuk tikkuntattja lid-Diviżjoni tal-iStrateġija u Implimentazzjoni fuq 25903174 jew billi tibgħat email fuq [email protected]. Għal kwalunkwè assistenza oħra waqt it-tqassim tal-kaxxi tal-ikel miċ-ċentri ta’ distribuzzjoni, kif ukoll kwistjonijiet oħra relatati ma’ mobilità, tista’ ċċempel fuq 22588929 jew 79013090.

Ministries
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.