Logo
Logo
  • MT
  • English

Stqarrija mill-Ministeru Għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Tiżdied b’55% in-nefqa fuq il-pensjonijiet mill-2013 ‘l hawn

20.02.2023 | Stqarrija

Numru ta’ Referenza: PR230267

In-nefqa globali fuq il-pensjonijiet żdiedet b’55% fis-sena 2022, meta mqabbla man-nefqa tas-sena 2013. Din iż-żieda hija primarjament dovuta għall-fatt illi r-rata tal-pensjonijiet baqgħet tissaħħaħ minn sena għal oħra. Fil-fatt, minn din is-sena, kull pensjonant beda jara żieda ta’ €50 kull 4 ġimgħat, meta mqabbel mas-sena li għaddiet. Dan filwaqt li żdiedu wkoll in-numru ta’ persuni eleġġibli għall-pensjoni. Mill-2013 lil hawn dawn żdiedu bi 15,600.

Dawn id-dettalji ħarġu waqt business breakfast bit-tema “Ġustizzja Soċjali – Opportunitajiet Indaqs għal Kulħadd”, organizzat mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal f’lukanda ewlenija f’Tas-Sliema.

Ħareġ ukoll li benefiċjarji tal-assistenza soċjali u tal-għajnuna għall-qgħad ingħataw l-opportunità permezz tal-iskema tat-tapering li jimpjegaw irwieħhom mingħajr ma jitilfu f’daqqa l-benefiċċji intitolati għalihom. Fost l-aktar li sfruttaw din l-opportunità kienu persuni li għal żmien twil kienu jiddependu fuq il-benefiċċji – 70% huma nisa, bil-maġġoranza tagħhom jibqgħu fid-dinja tax-xogħol.

L-għadd ta’ benefiċjarji soċjali mill-2013 lil hawn naqas għall-aktar livelli baxxi li qatt ġew irreġistrati; tnaqqis ta’ 9,260 persuna. Il-qgħad niżel għall-iktar livell baxx. Fil-fatt, naqsu b’7.3 punti perċentwali jew 15,700 dawk li ma jaffordjawx spiża mhux mistennija, naqsu bi 22.8 punti perċentwali jew 63,000 dawk li ma jaffordjawx vaganza ta’ ġimgħa fis-sena filwaqt li niżlu bi kważi 5 punti perċentwali jew 12,000 dawk li waqgħu lura fil-pagamenti tal-kera jew self.

Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qal li l-ħidma tal-gvern hija ffukata fuq it-tisħiħ tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali, iggwidati mill-prinċipju tal-universaliżmu u li jilħqu lil kulħadd, b’sensittività għall-ħtiġijiet ta’ tipi differenti ta’ familji, permezz fost oħrajn ta’ għajnuniet soġġetti għal test tal-mezzi.

Matul dan il-business breakfast kienu diskussa bosta ideat minn diversi partijiet ikkonċernati, fosthom dwar l-inklużjoni doppja, jiġifieri li l-politika soċjali timxi id f’id mal-politika tax-xogħol biex titnaqqas id-dipendenza fuq l-assistenzi soċjali u tikber il-ħila ta’ kulħadd fid-dinja tax-xogħol. Kienu diskussi wkoll inċentivi biex tonqos id-dipendenza soċjali u aktar nies jitħajru jidħlu fid-dinja tax-xogħol.

“Qegħdin hawn għal kulħadd. Ikun żball jekk xi darba nieqfu niġġeddu, jew li nkella ma nagħtux każ ta’ ċertu każijiet għax ma hemmx mijiet jew eluf bħalhom. Wara kull każ, hemm persuna, hemm familja, għaldaqstant irridu nkunu aħna li bil-mezzi kollha tagħna ngħinu u nbiddlu d-direzzjoni ta’ dik il-familja li qed tiffaċċja diffikultajiet,” temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.