Stqarrija mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Ftehim soċjali ma’ Dar San Ġużepp li jlaħħaq €2 miljun
Numru ta’ Referenza: PR230234
Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal estenda ftehim soċjali li kellu ma’ Dar San Ġużepp f’Santa Venera, b’allokazzjoni finanzjarja ta’ €2 miljun għat-tliet snin li ġejjin.
Il-gvern, flimkien mal-FSWS, u mat-tmexxija ta’ din ir-residenza, jaħdmu f’sinerġija biex jipprovdu l-aqwa servizz li minnu jibbenefikaw minuri li għal xi raġuni jew oħra ma jkunux jistgħu jgħixu iktar mal-familja bijoloġika tagħhom.
Din ir-residenza jgħixu fiha mal-15-il tifel u taqdi dmirijiet 24 siegħa kuljum li jmorru oltre mill-funzjoni ta’ xelter. F’dan il-post jiġu offruti, fost l-oħrajn, programmi edukattivi individwali u eżerċizzji li jsaħħu l-iżvilupp tat-tfal li x’aktarx ikunu għaddew minn żminijiet diffiċli. Il-professjonisti li jmexxu din ir-residenza jaħsbu wkoll sabiex jagħtu għajnuna soċjolegali, edukattiva, dik psikoloġika, psikjatrika u psikosoċjali.
“Dan huwa mod ieħor li bih nuru kemm ngħixu f’soċjetà li tkun hemm għal kulħadd, speċjalment għat-tfal. Permezz ta’ dan il-ftehim irridu nibagħtu sinjal li mhux qed nistennew sabiex nagħtu l-għajnuna imma qegħdin nidentifikaw aħna stess dawn l-għaqdiet nongovernattivi li tant jagħmlu ġid fil-komunità”, qal il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon.
Il-Kap tar-residenza, Fr Louis Mallia, irringrazzja l-impenn kontinwu tal-gvern u tkellem dwar diversi stejjer ta’ suċċess tul is-snin, fejn ħafna minn dawn it-tfal kibru f’adoloxxenti u f’adulti. Dan f’soċjetà inkluża, fejn bnew karrieri u familji, u saħansitra baqgħu jgħixu fis-soċjetà b’mod indipendenti.