Logo
Logo
  • MT
  • English

Stqarrija mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u s-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali: Iffirmat Ftehim Bejn id-Diviżjoni tal-Gvern Lokali u l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal Favur Aktar Inklużjoni

09.02.2023 | Stqarrija

Numru ta’ Referenza: PR230220

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal iffirma ftehim ta’ kooperazzjoni mad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, bil-għan illi jkun hemm aktar skambju t’ideat dwar kif tista’ titjieb l-infrastruttura għat-tfal u l-familji fil-komunità. Dan il-ftehim jassigura li t-tfal u l-familji tagħhom ikunu aktar attivi u involuti fil-komunità tagħhom, kif ukoll li l-lokalitajiet ikunu aktar adattati u aċċessibbli għat-tfal. ​​

​Permezz ta’ dan il-ftehim, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-tfal ser ikun qed joffri linji gwida fuq id-drittijiet tat-tfal u kif il-vuċi tat-tfal u ż-żgħażagħ għandhom jinstemgħu u jitqiesu fl-iżvilupp tal-politika u ta’ proġetti relatati mat-tfal u l-familji fil-komunitajiet. ​​

Min-naħa l-oħra, id-Diviżjoni tal-Gvern Lokali ser tkun qed tħeġġeġ il-kollaborazzjoni bejn il-kunsilli lokali u reġjonali mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-tfal fir-rigward ta’ proġetti u kwistjonijiet fil-lokalitajiet li jolqtu l-familji u t-tfal.

Dan il-ftehim ġie ffirmat mill-Kummissarju għat-Tfal Antoinette Vassallo u s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Gvern Lokali Joyce Dimech, fil-preżenza tal-Ministru Michael Falzon u s-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli.

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qal  li, “Ftehimiet bħal dawn jiżguraw li dak li jixtiequ t-tfal jittieħed b’serjetà, sabiex eventwalment dawn il-proposti jitilgħu għal-livell amministrattiv. Nixtieq nara aktar sinerġija fir-relazzjoni ta’ bejn il-Gvern Lokali u l-Kummissarju għat-Tfal. Il-leħen tat-tfal ma jridx jibqa’ biss vuċi, iżda għandu jinbidel fi pjan konkret t’azzjoni.”

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli awgurat kooperazzjoni tajba bejn iż-żewġ partijiet. “Dan il-ftehim ser jgħin sabiex isiru proġetti u inizjattivi favur it-titjib fil-kwalità tal-ħajja tar-residenti u fil-lokalitajiet. Għaldaqstant, jeħtieġ li l-kunsilli lokali jisimgħu l-ideat u s-suġġerimenti tar-residenti kollha, inkluż taż-żgħar,” saħqet is-Segretarju Parlamentari. 

Il-Kummissarju għat-Tfal Antoinette Vassallo saħqet dwar l-importanza tal-irwol li għandu jkollhom il-kunsilli lokali fejn tidħol implimentazzjoni ta’ miżuri li jsaħħu d-drittijiet tat-tfal kif ukoll il-benefiċċji tal-parteċipazzjoni tat-tfal fil-lokalità. “It-tfal huma ta’ kontribut kbir fil-lokalitajiet li jgħixu fihom. L-enerġija, il-ħiliet, l-aspirazzjonijiet, il-kreattività u l-passjoni tagħhom iwasslu għall-għarfien profond li jħalli impatt pożittiv fuq il-komunità kollha,” temmet tgħid il-Kummissarju għat-Tfal.

Għal dan l-iffirmar kien hemm preżenti wkoll id-Direttur tal-Istrateġija u Implimentazzjoni tal-Politika fi ħdan id-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, is-Sinjura Marisa Pisani.