Logo
Logo
  • MT
  • English

Stqarrija mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u mis-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza

08.02.2023 | Stqarrija

Numru ta’ Referenza: PR230207

Fl-iskejjel tal-istat, tal-knisja u anke dawk indipendenti kompla jingħata u jissaħħaħ il-programm preventiv “Teen Outside the Box” li l-għan ewlieni tiegħu huwa li joħloq kultura ta’ aktar prevenzjoni u għarfien fost studenti tal-Form 2/Year 8.

Dan il-programm għandu l-għan li jkompli jibni fuq il-programmi l-oħra li bħalissa qed jiġu implimentati fil-livell tal-iskola primarja. Il-professjonisti soċjali flimkien mal-għalliema jaħdmu flimkien sabiex jagħtu ħiliet tal-ħajja li jgħinu lil tfal u adoloxxenti jżommu ‘l bogħod minn tentazzjonijiet ta’ vizzji, ewlenija fosthom dawk tas-sustanzi u anke oħrajn marbuta mat-teknoloġija. Huwa programm ibbażat fuq tliet sessjonijiet iffukati fuq l-abbuż ta’ sustanzi, l-użu għaqli tat-teknoloġija u teħid ta’ deċiżjonijiet.

Il-programm jitħaddem mill-Aġenzija Sedqa, fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS), u propju nhar il-Erbgħa filgħodu ingħataw sessjonijiet minn parti ta’ dan il-proġett edukattiv, fil-Kulleġġ Santa Margherita, f’Bormla.

Preżenti għal din is-sessjoni kien hemm il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon, il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima, u s-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg, li ltaqgħu, tkellmu, u fehmu aħjar dak li ta’ kuljum jiltaqgħu miegħu dawn l-adoloxxenti.

Il-Ministru Michael Falzon spjega kif programmi bħal dawn jidentifikaw sitwazzjonijiet li jistgħu ikunu ta’ periklu għat-tfal infushom bħal ambjent mhux xieraq għat-tfal, problemi marbuta mas-saħħa u anke aċċess limitat għall-edukazzjoni.

“Ejja inkomplu mmexxu ‘l quddiem il-kunċett ta’ ħajja aħjar mingħajr vizzji u rridu nibgħatu dan il-messaġġ b’konvinzjoni lill-adoloxxenti tagħna. Però jekk tiżbalja, llum għandna l-għajnuna. L-FSWS tinvesti ħafna enerġija, riżorsi finanzjarji, u programmi edukattivi kontinwi fl-iskejjel u postijiet fejn jiffrekwentaw ż-żgħażagħ tagħna,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Il-Ministru Clifton Grima faħħar l-inizjattiva u qal: “Meta nitkellem dwar l-edukazzjoni dejjem ninsisti li l-edukazzjoni li nagħtu lill-uliedna għandha tkun edukazzjoni sħiħa, mhux biss l-edukazzjoni li tgħallem il-kurrikulu, imma li tkun ukoll edukazzjoni li tħares lil hinn, biex intellgħu ġenerazzjoni responsabbli billi nagħtuhom ukoll tagħrif dwar il-ħajja. Edukazzjoni li ma tħarisx biss lejn l-informazzjoni, il-mixja lejn il-bank tax-xogħol, imma wkoll li tinforma u teduka dwar ir-responsabbiltajiet ta’ kull student bħala individwu li huwa parti minn soċjetà”.

Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg saħqet fuq kemm hu importanti li jkomplu jħarrġu lill-adoloxxenti biex meta jsiru adulti, jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet għaqlin u b’sens ta’ rispett lejn ħaddieħor.

“Dan il-programm, li jkopri tagħlim importanti u preventiv, se jkun ta’ benefiċċju għal dawn l-adoloxxenti li jieħdu sehem fih, għaliex ġaladarba jkun wasal iż-żmien li jitilqu mill-iskola u jidħlu fid-dinja tax-xogħol, ikunu preparati b’karattru aktar sod. Barra minn hekk, nemmen bis-sħiħ li inizjattivi bħal dawn huma importanti ħafna għax qed ngħaddu l-għodda u t-taħriġ meħtieġ lill-adoloxxenti tagħna li jwassal biex dawn iħossuhom aktar komda jesprimu ruħhom anke fuq livell personali,” qalet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg.​​