Logo
Logo
  • MT
  • English

Stqarrija mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Jonqsu bi kważi żewġ terzi l-ammont ta’ persuni dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali fuq perjodu t’għaxar snin

07.02.2023 | Stqarrija

Numru ta’ Referenza: PR230200

Kompla jonqos l-għadd ta’ nies li jiddependu mill-assistenza soċjali u mill-benefiċċji tal-qgħad. Fil-fatt, matul l-2022, dan l-ammont niżel għall-anqas livelli li qatt ġew irreġistrati.

Ċifri maħruġa mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal juru li l-ammont ta’ persuni dipendenti fuq l-benefiċċji soċjali naqsu b’5,157 minn 10,784 fuq perjodu ta’ għaxar snin, ekwivalenti għal 48%.

Dan filwaqt li dawk dipendenti fuq l-għajnuna tal-qgħad niżlu b’4,103 persuni minn 4,330, ekwivalenti għal 95%. B’hekk, bħalissa hemm 227 persuna li qed jieħdu l-benefiċċju tal-qgħad, l-inqas ammont fl-istorja.

Dan kien ifisser li fuq medda ta’ għaxar snin l-għadd globali ta’ dawn il-benefiċjarji naqsu b’9,260, li jirrappreżenta tnaqqis ta’ 61%.

Il-Ministru Michael Falzon fisser dan il-progress bħala wieħed inkorraġġanti u spjega li sar fi sfond ta’ tkabbir bla preċedent fl-ekonomija li nissel ħolqien ta’ opportunatijiet ta’ impjieg, tant li Malta llum għandha fost l-inqas rati baxxi ta’ qgħad fl-Ewropa.

Qal li dan il-progress ġie xprunat ukoll b’miżuri varati fl-2014 u 2015 biex benefiċċjarji soċjali jinqatgħu mid-dipendenza fuq il-benefiċċji, jidħlu fid-dinja tax-xogħol u jtejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom u ta’ dawk li jiddependu minnhom. Il-miżuri jinkludu l-iskema tal-In-Work Benefit, dik tat-tapering tal-benefiċċji u s-servizz taċ-childcare b’xejn.

Il-Ministru qal li l-gvern se jibqa’ kommess li jkun ta’ spalla għal dawk li għadhom dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali, biex huma wkoll jidħlu fid-dinja tax-xogħol.