Logo
Logo
  • MT
  • English

Stqarrija mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u l-Ministeru għall-Ġustizzja: Taħriġ fil-qasam legali dwar il-kustodja

31.01.2023 | Stqarrija

Numru ta’ Referenza: PR230157

Il-Kumitat Trobbija Pożittiva qed imexxi ‘l quddiem eżerċizzju illi l-għan aħħari tiegħu huwa li joħloq aktar għarfien fost professjonisti tal-ġudikatura illi jaħdmu mal-familji u t-tfal. Fil-fatt, f’dawn l-aħħar xhur ingħata taħriġ speċjalizzat lill-membri tal-ġudikatura illi jkollhom kuntatt dirett mat-tfal, avukati tat-tfal u medjaturi. Dan it-taħriġ online kien maqsum fuq numru ta’ ġimgħat bil-għan li jikber l-għarfien u s-sensittività dwar is-suġġett fost dawn il-professjonisti.​

Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon u l-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, fejn taw dettalji dwar kif din is-sinerġija bejn iż-żewġ ministeri qed twassal għal inizjattivi ġodda, li tant huma bżonnjużi fid-dawl ta’ realtajiet soċjali ġodda.

Din hija wkoll wegħda elettorali oħra ta’ dan il-gvern, li se tkun implimentata sabiex jissaħħu s-salvagwardji legali illi jilħqu l-interessi tat-tfal, u taż-żewġ ġenituri anke f’każijiet fejn iż-żewġ ġenituri ma jgħixux taħt l-istess saqaf.

Il-Kumitat Trobbija Pożittiva studja u kiseb aktar għarfien dwar kif jistgħu joħolqu aktar kultura pożittiva fil-familji, kif ukoll kif jistgħu jkunu t’assistenza f’sitwazzjonijiet fejn jaħdmu direttament mal-familja. Permezz t’eżerċizzji bħal dawn, qed jaraw kif jistgħu jnaqqsu l-kunflitt bejn il-ġenituri u jsaħħu r-relazzjoni tat-tfal maż-żewġ naħat, speċjalment mal-ġenitur illi ma jqattax daqstant ħin mat-tfal, anke fuq deċiżjoni tal-Qorti.  Dawn iċ-ċirkustanzi fil-qrati jinvolvu direttament ix-xhieda ta’ membri tal-familja, u xi kultant it-tfal. Għaldaqstant każijiet bħal dawn jaf joħolqu ansjetà, tensjoni u anke pressjoni fuq il-familja kollha kemm hi.

Il-Ministru Michael Falzon stqarr, “Ejja nkomplu mmexxu ‘l quddiem il-kunċett ta’ ‘shared parenting’, bil-għan li t-tfal xorta waħda jieħdu l-imħabba u trobbija effettiva miż-żewġ ġenituri, anke jekk mhux flimkien. Irrid infakkar illi l-gvern qed irawwem diversi inizjattivi biex ikun hemm aktar għarfien bħal fuq il-kunċett tal-Parental Alientation, biex kemm jista’ jkun nevitaw sitwazzjonijiet fejn it-tfal jispiċċaw ballun, għall-gwadann ta’ xi ġenitur jew ieħor”.

Il-Ministru Jonathan Attard sostna kif bħala Gvern dejjem emmnu li għandhom jagħtu l-għodod neċessarji u bżonnjużi kollha biex dawk involuti fil-proċess legali jkunu jistgħu jaqdu dmirhom bl-aħjar mod u bl-aħjar għarfien fuq is-suġġett. Għaldaqstant il-ġudikatura, il-medjaturi u l-avukati tat-tfal ingħataw diversi sessjonijiet ta’ taħriġ fuq il-kunċett ta’ ‘shared parenting’, ibbażati fuq letteratura internazzjonali u evidenza xjentifika u soċjali. Il-Ministru Attard tenna kif dan it-taħriġ għandu jkun estiż, u jagħmlu użu minnu anke l-avukati li jipprattikaw fil-qrati tal-familja.

Iċ-Chairperson tal-Kumitat Trobbija Pożittiva Ruth Sciberras spjegat li dan it-taskforce se jkompli jindirizza niċeċ speċifiċi li jaffettwaw d-dinamika tal-familja, f’ċirkustanzi delikati u fit-tul. Kompliet li se jkunu qed jagħtu aktar minn dawn is-sessjonijiet t’għarfien mhux biss lil professjonisti li jaħdmu fil-ġudikatura, iżda anke oħrajn li jaħdmu direttament mal-familji f’aġenziji tal-Gvern.