Logo
Logo
  • MT
  • English

Stqarrija mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Ftehim soċjali li jiggarantixxi s-servizz f’residenzi għall-adoloxxenti

20.01.2023 | Stqarrija

Numru ta’ Referenza: PR230094

Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal kompla jikkonferma u jġedded numru ta’ ftehimiet soċjali ma’ għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu b’mod kontinwu biex jagħtu s-sapport meħtieġ lil persuni vulnerabbli. 

Fost dawn il-ftehimiet, ġie ssiġillat il-ftehim mas-Salesjani ta’ Don Bosco li jiggarantixxi servizz fir-Residenza Alberto Marvelli f’Raħal Ġdid u fir-Residenza Carlo Gastini, fil-Belt Valletta. Fihom joqogħdu adoloxxenti li permezz tas-servizz offrut jitgħallmu jgħixu b’mod indipendenti wara li għal raġunijiet differenti jkunu għexu f’residenza tat-tfal jew ambjent alternattiv.  

Il-Ministru Michael Falzon faħħar din l-inizjattiva u tenna li s-soċjetà kollha għandha sehem importanti biex tgħin lil dawn iż-żgħażagħ jintegraw u jgħixu f’ambjent li joffrilhom is-sapport neċessarju. L-investiment, li jkopri tliet snin, jammonta għal madwar €176,000. 

“Dawn il-ftehimiet nidħlu għalihom għaliex verament nemmnu f’soċjetà li fiha kulħadd jista’ jimxi ‘l quddiem u jista’ jibdel il-ħolm tiegħu f’realtà. Ħdimna ħafna biex nagħtu l-aqwa ambjent lil kull tifel u tifla u dawn iż-żgħażagħ għandhom ikollhom l-istess opportunitajiet”.​