Logo
Logo
  • MT
  • English

Stqarrija mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: €1.6 miljun sabiex titmexxa residenza tat-tfal

19.12.2022 | Stqarrija

Numru ta’ Referenza: PR221765

Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal issiġila ftehim mal-Fondazzjoni Richmond sabiex tkun tista’ titmexxa r-residenza KIDS, f’Santa Venera. Dan il-finanzjament se jkun qed jgħin sabiex jassisti u jagħti għajnuna speċjalizzata, sapport emozzjonali u bażi edukattiva lil tfal bi sfidi fl-imġieba bejn is-7 u l-10 snin. Dan il-ftehim ilaħħaq is-somma ta’ €1.6 miljun fuq medda ta’ 3 snin, u li jkopri sas-sena 2024. ​​​​

Dawn id-dettalji ngħataw mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon f’konferenza tal-aħbarijiet, it-Tnejn, fejn fisser dan il-ftehim soċjali bħala messaġġ b’saħħtu lejn il-ħarsien tat-tfal,u ħidma bla waqfien sabiex l-ebda tifel u tifla ma’ jaqaw lura. Dan speċjalment fid-dawl ta’ sitwazzjoni kumplessa, fejn ikun hemm tfal li juru sfidi fi stadju bikri, fl-iżvilupp emozzjonali, soċjali u fl-imġieba tagħhom.

Dan il-Ministeru flimkien mal-Fondazzjoni Richmond, u l-entitajiet kollha li jaħdmu f’dan is-settur, speċjalment l-FSWS, jaħdmu flimkien sabiex jissaħħu l-benesseri tat-tfal kollha, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli.

F’din ir-residenza jistgħu jgħixu sa’ massimu ta’ disgħa t’itfal, li x’aktarx ikunu referuti mill-FSWS, wara li jkun sar assessment li jsib illi jkun aħjar li t-tfal jgħixu għal perjodu ta’ żmien, taħt superviżjoni kontinwa, sabiex kemm jista’ jkun jingħataw għajnuna individwali u speċjalizzata. Ħafna drabi t-tfal jesebixxu self-harm, agressjoni fiżika u mġieba li tista tkun ta’ periklu kemm għalihom u dawk ta’ madwarhom.

”Aħna qegħdin hawn biex nagħtu direzzjoni, gwida, imħabba u għożża lil dawn it-tfal, li jispiċċaw f’sitwazzjoni hekk, u nagħmlu dan mingħajr ebda preġudizzju u timbru. Għalhekk se nkomplu noħorġu idejna, u ninvestu kemm hemm bżonn f’riżorsi, sabiex nagħtu dak kollu li hemm bżonn. Jekk ma nagħmlux dan, nkunu fallejna u nqasna mhux biss lil dawn it-tfal iżda lis-soċjeta’ kollha. Kull tifel u tifla jixirqilhom l-aqwa u l-aħjar trobbija. Azzjoni fil-ħin tista’ tbiddel id-direzzjoni ta’ dawn it-tfal”, temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.

Preżenti għall-dan l-iffirmar kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Mark Musù, flimkien maċ-Chairperson ta’ Richmond Foundation Dr Ivan Mifsud u l-Kap Eżekuttiv ta’ Richmond Foundation Stephania Dimech Sant.