Logo
Logo
  • MT
  • English

Stqarrija mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Jitħallsu l-pagamenti taċ-children’s allowance bir-rati l-ġodda

16.12.2022 | Stqarrija

Numru ta’ Referenza: PR221760

Bdew jitħallsu l-pagamenti taċ-children’s allowance, li jkopru l-ewwel tliet xhur tas-sena d-dieħla. Dawn il-pagamenti ta’ kull sena jingħataw qabel il-ħin skedat sabiex jgħinu lill-familji jippjanaw il-finanzi tagħhom aħjar f’dawn iż-żminijiet ta’ festi u divertiment.

Il-pagamenti taċ-children’s allowance ser jitħallsu s’għada nhar is-Sibt fis-17 ta’ Diċembru, b’uħud mill-pagamenti diġà saru tul din il-ġimgħa, għal dawk il-persuni li jirċievu dan il-pagament direttament f’kont bankarju. Dawn il-pagamenti se jkunu qed jirriflettu ż-żieda mħabbra mill-Gvern fil-Budget għas-sena 2023.

F’dan il-pagament tal-perjodu Jannar-Marzu 2023, il-Gvern qed jinvesti s-somma ta’ kważi t-€12-il miljun, filwaqt illi l-ewwel tliet pagamenti għal din is-sena ammontaw għal total ta’ €33,446,454.

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon wassal dawn id-dettalji f’konferenza tal-aħbarijiet nhar il-Ġimgħa, 16 ta’ Diċembru 2022, fejn tkellem ukoll dwar il-pagamenti marbuta mal-mekkaniżmu addizzjonali tal-COLA, li wkoll ser jitħallsu fi tmiem il-ġimgħa.

Il-pagamenti taċ-children’s allowance għal dan il-perjodu Jannar sa Marzu 2023 kienu mqassmin b’dan il-mod: 

Benefiċċju Ammont Imħallas Benefiċjarji
Allowance tat-Tfal – dħul ma jaqbiżx €25,924 €3,611,223.45 11,670
Allowance tat-Tfal – dħul jaqbeż €25,924 €4,878,690.89 29,095
Suppliment Allowance tat-Tfal €2,183,326.43 40,765
Allowance Tfal bi Bżonnijiet Speċjali €792,805.55 1,886
Allowance Tfal taħt Ħarsien €657,145.08 1874
Ammont Totali €11,823.191.40  

 Irid jingħad li s-Suppliment tal-Allowance tat-Tfal għas-sena d-dieħla żdied minn €17.50 għal €40 kull tliet xhur lil min ma jaqbiżx l-ammont ta’ €25,924, filwaqt għal min jaqbeż dan l-ammont, żdied minn €12.50 għal €35.

Wieħed irid ifakkar ukoll li l-Allowance għal Tfal bi Bżonnijiet Speċjali din is-sena kien żdied minn €25 fil-ġimgħa għal €30 u li din ir-rata se tkompli titħallas ukoll għas-sena d-dieħla.

“Infakkar illi bħala parti minn dan il-pjan, tul din il-leġislatura, se nżommu mal-wegħda tagħna sabiex inkomplu ntejbu wkoll ċ-Children’s Allowance, billi gradwalment nirdoppjaw is-suppliment li jingħata, għal kull tifel u tifla taħt is-sittax-il sena.  L-ewwel pass beda jittieħed issa u se jkun komplut is-sena d-dieħla, meta kull ġenitur se jara żieda ta’ €90 fis-suppliment li jitħallas għal kull wild. Skont id-dħul tal-familja dan is-suppliment se jkun ta’ €140 jew €160,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Intant, fis-sena 2020 kien introdott ukoll il-Bonus għal min ikollu tarbija. Dan kien ta’ €300 għal kull twelid u din is-sena li qegħdin fiha kien żdied għal €400 u se jkompli jitħallas l-istess ammont għas-sena d-dieħla. B’kollox ibbenefikaw 3034 persuna li kellhom wild jew adottaw tifel jew tifla minn barra l-pajjiż.

Il-Ministru Michael Falzon tkellem ukoll dwar il-mekkaniżmu addizzjonali tal-COLA, benefiċċju li beda jingħata għall-ewwel darba u li se jitħallas ukoll fi tmiem din il-ġimgħa.

Fil-fatt, ‘il fuq minn 40,852 familja se jibdew jirċievu fil-kont bankarju tagħhom l-għotja addizzjonali tal-COLA. Dawn il-pagamenti ta’ darba f’sena jvarjaw minn minimu ta’ €100 sa massimu ta’ €1,200 għal kull household.

L-ammont li se jitħallas f’dan il-pagament jammonta għal €13,779,975. Min ma nqabadx f’dan il-proċess se jkun qed jitħallas fil-pagament li jmiss tas-sena d-dieħla.​

​​​