Logo
Logo
  • MT
  • English

Stqarrija minn Dr Lydia Abela, il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u l-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza: Diskussjoni li għandha tixpruna iżjed ħidma u azzjoni dwar il-vjolenza domestika

09.12.2022 | Stqarrija

Numru ta’ Referenza: PR221710

F’konferenza bit-tema ‘Il-Vjolenza Domestika Hi Affari Ta’ Kulħadd’, mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela nnutat ħidma li qed issir mill-partijiet involuti li jmissu mas-suġġett tal-vjolenza domestika iżda aċċennat li jeħtieġ li jsir iżjed u rrimarkat kif id-diskussjoni sservi ta’ xprun importanti għal ħidma favur dawk milquta mir-realtà tal-vjolenza domestika. 

F’konferenza li fiha ġie ppreżentat studju tal-Fakultà għall-Ħarsien Soċjali fi ħdan l-Università ta’ Malta, Dr Abela rrikonixxiet kif numru ta’ rakkomandazzjonijiet li tressqu qed issir jew inbdiet ħidma dwarha fosthom assessjar ta’ aggressuri li potenzjalment jistgħu joqogħdu għal programmi ta’ kura korrettiva. “Irridu nibqgħu konxji u ffukati fuq ir-realtajiet differenti marbuta mal-vjolenza domestika għaliex ir-realtajiet jevolvu u rridu nkunu hemm biex inwieġbu għalihom”, irrimarkat Lydia Abela hi u tispjega kif il-vjolenza domestika tħalli vittmi differenti u mhux biss nisa. 

Hija saħqet fuq l-edukazzjoni bħala għodda importanti biex ikomplu jixxettlu valuri importanti ta’ mħabba u rispett u tinbidel mentalità miżoġinista li sfortunatament għadha teżisti. F’indirizz li għamlet anki f’għeluq il-konferenza li fiha bosta stakeholders u nies minn entitajiet differenti taw rendikont ta’ ħidma li qed issir u ħsibijiet importanti, Dr Lydia Abela fakkret li bħala s-soċjetà rridu nibqgħu nibgħatu messaġġ li l-vjolenza domestika hija inaċċettabbli. 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon stqarr “Ma nistgħux nagħlqu għajnejna għal kull tip ta’ vjolenza, ġejja minn fejn ġejja. Irridu nkomplu ngħinu ħafna aktar vittmi li qed ibatu fis-silenzju. Kull azzjoni mitlufa tista’ twassal għal tbatija kbira jew saħansitra mewt. Il-Ministeru Soċjali jassisti b’mod finanzjarju diversi għaqdiet mhux governattivi li tant jgħinu vittmi u anke l-familjari tagħhom, u kommessi illi nsaħħu dan l-impenn.” 

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri spjega ħidmet id-diversi entitajiet fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, ewlenin fosthom il-Korp tal-Pulizija permezz tat-taqsima tal-vjolenza domestika u vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-appoġġ lill-vittmi permezz tal-aġenzija għas-servizz lill-vittmi. Il-Ministru Camilleri sostna li minkejja li għamilna ħafna, jeħtieġ li nkomplu nsaħħu s-servizz li jirċievu vittmi għaliex qatt mhu biżżejjed. 

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg sostniet kif għalkemm ninsabu fl-aħħar ġurnata tas-sittax-il jum ta’ attiviżmu, il-ġlieda kontra kull tip ta’ vjolenza trid tibqa’ issir is-sena kollha. “Mar-riformi li diġà saru jonqos aktar xogħol sabiex nassiguraw li s-sistema toffri protezzjoni effettiva lill-vittmi tal-vjolenza domestika. Għaldaqstant, ser inkunu qegħdin nimplimentaw is-sistema tal-electronic tagging f’każijiet fejn persuna jkollha ordni ta’ protezzjoni maħruġa fil-konfront tagħhom biex b’hekk ikun hemm deterrent akbar biex ma jersqux lejn vittmi potenzjali tagħhom,” spjegat is-Segretarju Parlamentari Buttigieg.

​