Logo
Logo
  • MT
  • English

Stqarrija mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Jitħallsu l-pagamenti bir-rati mtejba tal-In-Work Benefit

09.12.2022 | Stqarrija

Numru ta’ Referenza: PR221709

Fi tmiem din il-ġimgħa, madwar 26,000 ġenitur ser jirċievu pagamenti marbuta mal-benefiċċju tal-In-Work Benefit, b’rati mtejjba. Dan wara li l-Gvern estenda t-thresholds sabiex aktar ġenituri jsiru eliġibbli għal dan il-benefiċċju, biex b’hekk il-benefiċċjarji ser jiżdiedu b’19,000 ġenitur li jirrappreżentaw 29,000 tifel u tifla, u żdied bi kważi €10 miljun fuq is-sena 2021. 

Dawn id-dettalji tħabbru mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet. 

Huwa spjega li persuna m’hemmx għalfejn tapplika għal dan il-benefiċċju, għaliex qed titħaddem sistema awtomatika li tistabbilixxi min huma l-benefiċċjarji. Dan qed isir permezz ta’ kollaborazzjoni bejn id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali u d-Dipartiment tat-Taxxa. 

Il-Ministru Michael Falzon fakkar illi l-In-Work Benefit ġie introdott fis-sena 2015 bħala parti mill-pakkett tal-Making Work Pay. Inizjalment dan il-benefiċċju, li jitħallas b’rati differenti, ġie introdott għal koppji fejn iż-żewġ ġenituri jaħdmu u għal single parents li jaħdmu. Sussegwentement, dan il-benefiċċju ġie estiż ukoll għal koppji fejn ġenitur wieħed biss ikun jaħdem. 

Il-budget għas-sena 2022, kompla jestendi t-thresholds u għalhekk aktar ġenituri ser jiġu eliġibbli: 

  • Għal koppji fejn it-tnejn jaħdmu, il-limitu tad-dħul tela’ minn €35,000 għal €50,000 fis-sena;
  • Għal koppji fejn wieħed mill-ġenituri jaħdem, il-limitu tad-dħul tela’ minn €26,000 għal €35,000 fis-sena;
  • Għal ġenituri waħidhom li jaħdmu – il-limitu tad-dħul tela’ minn €23,000 għal €35,000 fis-sena.

 Għal dawn il-kategorji, il-ġenitur ser jitħallas b’mod awtomatiku €200 fis-sena għal kull wild. 

Fl-ewwel sena (2015) dan il-benefiċċju bbenefikaw minnu 1,359 persuna  u n-numru baqa’ jikber matul is-snin (minħabba it-twessiegħ kontinwu tat-thresholds) u laħaq 7,246 ġenitur li jirrappreżentaw 11,539 tifel u tifla taħt l-età ta’ 23 sena. Matul is-sena 2021 il-pagamenti għall-In-Work Benefit ammontaw għal madwar €7 miljun. 

“L-In-Work Benefit flimkien mat-Tapering tal-Benefiċċji, child care b’xejn u inizjattivi oħra meħuda mill-Gvern, taw spinta sabiex ħafna benefiċċjarji tal-Għajnuna Soċjali ħarġu fid-dinja tax-xogħol u ma baqgħux jiddependu fuq l-għajnuna soċjali. Mill-2013 sa llum il-benefiċċjarji tal-Għajnuna Soċjali naqsu b’56%”, temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.​