Logo
Logo
  • MT
  • English

Stqarrija mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Titnieda l-Viżjoni Soċjali għal Malta 2035

07.12.2022 | Stqarrija

Numru ta’ Referenza: PR221702

Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal nieda l-Viżjoni Soċjali għal Malta 2035, bil-għan illi jidentifika, jippjana u jilqa’ għal sfidi soċjali fis-snin futuri.

Dan id-dokument jinkludi l-viżjoni, il-futur, id-direzzjoni u l-istrateġija ppjanata sabiex tindirizza numru ta’ setturi soċjali differenti. Dawn jinkludu l-poverta u l-esklużjoni soċjali, il-familji, it-tfal, iż-żgħażagħ, l-anzjanità, il-vizzji, ir-rijintegrazzjoni ta’ persuni misjuba ħatja ta’ kriminalità, persuni b’diżabilità, vjolenza u immigrazzjoni.

Għal kull settur hemm aspirazzjonijiet ottimisti għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u tal-futur, permezz ta’ viżjoni fejn tara illi ħadd ma jaqa lura.  L-għan aħħari huwa li jissaħħu l-faxxex kollha tas-soċjetà, sabiex kulħadd ikun kapaċi jilqa’ għal sfidi bla mistenni.

Il-Ministru Michael Falzon  qal li biex wasslu għal dan id-dokument kellhom konsultazzjoni wiesgħa, li kienet tinkludi għexieren ta’ laqgħat li minnhom ħarġu dawk l-aktar bżonnijiet bażiċi tas-soċjetà.

“Irid ikollok destinazzjoni finali ta’ fejn trid tasal, u nemmen illi permezz ta’ flessibilita’ u assessjar kontinwu nistgħu naslu għal dawn l-għanijiet. Ma nistgħux naċċettaw li nagħlqu għajnejna fuq każijiet li ma jolqtux bosta nies, għax ikun ifisser falliment mhux biss għal dak l-individwu imma għas-soċjetà kollha”, temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.

Id-Direttur Ġenerali fi ħdan il-Ministeru Soċjali Denise Fiorentino saħqet li din il-viżjoni tipproponi żieda ta’ servizzi soċjali, aktar kampanji t’għarfien, u ħidma sabiex tissaħħaħ l-bażi tal-politika tal-Gvern fil-qasam soċjali. Sabiex din tkun waħda effettiva, ser jkun hemm monitoraġġ kontinwu tal-implimentazzjoni u kemm din verament qed tħalli l-frott tagħha fis-soċjetà.