Logo
Logo
  • MT
  • English

Stqarrija mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u mill-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol: ’Il fuq minn €16-il miljun f’għotjiet addizzjonali tal-COLA għall-vulnerabbli

07.12.2022 | Stqarrija

Numru ta’ Referenza: PR221701

Min-nhar is-Sibt 17 ta’ Diċembru, ’il fuq minn 45,000 familja u 86,500 individwu se jibdew jirċievu fil-kont bankarju tagħhom l-għotja addizzjonali tal-COLA. Ħabbru dan il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana u l-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar il-mekkaniżmu l-ġdid għall-għoli tal-ħajja għall-vulnerabbli li ġie mħabbar fil-Budget.

Il-Ministru Clyde Caruana qal li matul l-aħħar snin f’pajjiżna kienet ilha għaddejja d-diskussjoni sabiex il-mekkaniżmu eżistenti tal-COLA jiġi rivedut biex dawk li jifilħu l-inqas jiġu mwieżna l-iktar. Dan qatt ma seħħ għaliex qatt ma ntlaħaq qbil bejn l-imsieħba kollha. Għaldaqstant, wara konsultazzjoni wiesa’, il-Gvern qed jintroduċi dan il-mekkaniżmu addizzjonali li jwieżen lil dawk il-familji l-iktar fil-bżonn.

Din l-għajnuna se tibqa’ tingħata kull sena u tiġi riveduta kull meta r-rata tal-inflazzjoni tkun għolja ħafna. Jekk ir-rata tal-inflazzjoni terġa’ tinżel għal-livelli reġistrati matul l-aħħar snin, l-ammonti jerġgħu jkunu l-istess bħal ta’ din is-sena. B’hekk dan il-mekkaniżmu se jkun qed jara dak li jkun qed jiġri fl-ekonomija tagħna u jikkoreġi l-ammonti li se jkunu qed jirċievu l-familji.

“Dan il-mekkaniżmu huwa mfassal fuq il-prinċipju tal-ġustizzja soċjali. Min jiflaħ l-anqas se jkun qed jieħu l-iktar u iktar ma tkun numeruża dik il-familja, iktar ikun l-ammont li se tibbenefika minnu għaliex ikbar ikun ir-riskju ta’ faqar. B’dan il-mekkaniżmu, ir-rata tal-faqar fost l-anzjani se tkun qed tonqos b’punt perċentwal. Barra minn hekk, rajna li dan il-benefiċċju jkun wieħed sostenibbli u kull Gvern għada pit’għada se jkun kapaċi jiflaħ il-piż finanzjarju tiegħu,” qal il-Ministru Caruana.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Michael Falzon qal illi din l-inizjattiva tixhed ir-rieda u l-umiltà ta’ dan il-Gvern, illi dejjem ikun hemm sabiex jisma’, jifhem u jiddeċiedi, fl-aqwa interess ta’ kulħadd, anke ta’ dawk li jeħtieġu mbuttatura iktar minn oħrajn.

“Għamilna ħafna sabiex naqqasna d-dipendenza soċjali, speċjalment permezz ta’ miżuri li jdaħħlu aktar nies fid-dinja tax-xogħol, it-tapering of benefits, l-inwork benefit. Mhux biss daħħalna u għadna nsostnu dawn il-miżuri, iżda komplejna nsaħħu dawn l-benefiċċji, sabiex naraw li nilħqu aktar familji. Aħna Gvern tan-nies, Gvern li se jkompli ikun il-leħen taċ-ċertezza u l-istabbilita’. Magħna taf fejn qiegħed, għandna l-qalb soċjali sabiex inkomplu nwettqu l-ġid u nindirizzaw realtajiet soċjali li kontinwament jinbidlu”, temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.

Għal aktar informazzjoni wieħed għandu jċempel fuq freephone 153.