Logo
Logo
  • MT
  • English

Stqarrija mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u l-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur: Il-‘Carers Grant’ jiżdied għal €4,500 fis-sena

25.11.2022 | Stqarrija

Numru ta’ Referenza: PR221638

Minn Jannar tas-sena d-dieħla, ġenituri li ma jaħdmux sabiex jieħdu ħsieb wild b’diżabilità u li bħalissa jirċievu l-allowance miżjud għal diżabilità severa, se jgawdu minn żieda ta’ 9 darbiet aktar fis-sena ta’ dak li kienu qed jieħdu sal-lum il-ġurnata. Din il-wegħda fil-manifest elettorali se titwettaq b’investiment ta’ madwar €1.8 miljun.

Dan il-benefiċċju tħabbar fil-baġit għas-sena d-dieħla, u huwa intiż għall-ġenituri li jkollhom jieqfu mix-xogħol biex jikkuraw wild b’diżabilità fl-età ta’ aktar minn 16-il sena u li jkunu intitolati għall-Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa. Il-benefiċċju, bl-isem ta’ Għotja għal Carer, beda jitħallas fl-ammont ta’ €300 fis-sena, fis-sena 2021.

Dawn id-dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon u l-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli.

Minn pagament ta’ darba ta’ €300 fis-sena fl-2021, il-‘carers grant’ żdied għal pagament ta’ €500 fl-2022 u minn Jannar 2023, dan il-grant se jiżdied għal ftit aktar minn €4,500 fis-sena għal kull familja li tibbenefika. Il-ħlas se jibda jitħallas kull tliet xhur.

“Dan huwa gvern illi jisma’, jifhem u jaġixxi sabiex jiffaċilita l-ħajja tan-nies, speċjalment ta’ dawk l-aktar persuni vulnerabbli. Sodisfatt illi jien parti minn gvern illi jaħdem flimkien, u li dejjem jaġixxi sabiex iwieżen u jgħin lil persuni li diġà jkunu qed jiffaċċjaw diversi pressjonijiet. Aħna nemmnu fil-potenzjal ta’ kulħadd, anke ta’ minoritajiet,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Fl-intervent tagħha, il-Ministru Julia Farrugia Portelli semmiet kif din il-miżura pożittiva tal-Baġit 2023 hija ġustizzja mal-400 familja li fis-silenzju qed jgħixu din is-sitwazzjoni. Hija kkonkludiet li din il-miżura hi definizzjoni wiesgħa tal-kelma inklużjoni. “Il-Gvern għaraf li dawn il-ġenituri ma jkunux imċaħħdin, iżda rikonoxxuti għall-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom.”​