Logo
Logo
  • MT
  • English

Stqarrija minn Dr Lydia Abela, il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u s-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza: Vuċi waħda kontra l-vjolenza domestika

25.11.2022 | Stqarrija

Numru ta’ Referenza: PR221634

“Ma rridux il-vjolenza domestika tħossha rebħet fuq is-soċjetà tagħna u rridu nintensifikaw ħidmitna u nagħmlu iżjed.” Dan kien parti mill-messaġġ ewlieni ta’ indirizz li għamlet mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela f’għeluq konferenza organizzata mill-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS). 

Dr Abela qalet ukoll li bħala soċjetà rridu nibagħtu messaġġ li Malta tirrappreżenta lil kulħadd, inkluż dawk li qed ibatu fis-skiet u jeħtieġu l-aqwa għajnuna possibbli. B’rabta mat-tema tal-konferenza organizzata mill-FSWS, jiġifieri l-vjolenza mill-ulied fuq il-ġenituri, Lydia Abela qalet li din hija weġgħa li ħafna drabi jġorruha l-anzjani u rrikonoxxiet servizzi li tagħti l-fondazzjoni biex jiġi indirizzat l-abbuż mill-ulied fuq il-ġenituri. 

Fl-istess konferenza tkellem il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon, li semma l-bżonn t’aktar għarfien minn etajiet żgħar, fejn kull tip ta’ vjolenza hija inaċċetabbli. Spjega illi hemm bżonn t’aktar ħidma ħolisitka bejn l-Istat, il-Qrati u l-Awtoritajiet kollha li jipprovdu protezzjoni lill-vittmi ta’ vjolenza domestika. “Irridu nesploraw aktar realtajiet ġodda, fejn saħansitra t-tfal ikunu aggressivi lejn il-ġenituri, u nifhmu x’qed iwassal għal din l-imġiba. Azzjoni f’waqtha llum taf issalva ħajja  u futur ta’ persuna u dawk ta’ madwarha,” stqarr il-Ministru Falzon. 

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg saħqet li hemm diversi affarijiet li bħala pajjiż għandna nikkunsidraw biex tassew negħlbu l-vjolenza, fosthom il-kultura. “Irridu naraw x’qiegħed jiġri fil-familji tagħna biex is-sitwazzjoni teskala sa ċertu punt. Għadek tisma’ argumenti frivoli li jippruvaw jiġġustifikaw il-fatt li persuna tkun attakkat persuna oħra. Nemmen li flimkien għandna ninżlu fl-iskejjel tagħna b’kampanji edukattivi biex ngħaddu l-messaġġ sa minn eta żgħira li l-vjolenza qatt mhi aċċettata,” qalet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg. 

Il-Kummissarju dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika Audrey Friggieri qalet li l-vjolenza mit-tfal għal ġenituri huwa fenomenu kumpless u sensittiv ħafna. Sostniet li dan l-aġir jista’ jkun ukoll riżultat ta’ dak li jkun għaddej fid-dar stess, bħal meta jkun hemm vjolenza domestika bejn il-ġenituri. Kawża oħra tista’ tkun dik li t-tfal ikunu esposti ghalih fil-midja soċjali, bħal kontenut  vjolenti. Il-Kummissarju tenniet l-importanza li l-ġenituri għandhom josservaw il-materjal li uliedhom qed jaraw, speċjalment fuq l-mezzi elettroniċi tagħhom u jfittxu dejjem l-għajnuna minn servizzi anki mogħtija mill-FSWS.

Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti tenna l-impenn li bħala fondazzjoni tkompli taħdem u tqajjem kuxjenza dwar il-vjolenza domestika. Huwa qal, “Sfortunatament il-każijiet ta’ femiċidji u vjolenza domestika juruna li qatt mhu biżżejjed li nqajmu kuxjenza fuq din l-isfida li għandna fis-soċjetà tagħna.”​