Logo
Logo
  • MT
  • English

Stqarrija mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: 2,371 ħolma ta’ tfal għal żmien il-Milied

19.10.2022 | Stqarrija

Numru ta’ Referenza: PR221420

Ġiet imnedija l-għaxar edizzjoni tal-inizjattiva Children’s Dreams, b’kollaborazzjoni bejn il-Fondazzjoni Goodwill u l-Fondazzjoni għat-Tisħiħ u l-Ħarsien Soċjali (FSWS).

Kull sena, professjonisti fi ħdan l-FSWS iressqu għall-attenzjoni tal-pubbliku xewqat tat-tfal li jgħixu f’kura alternattiva jew inkella li jgħixu mal-familji rispettivi tagħhom.

Il-Ministru Michael Falzon ħabbar li s’issa nġabru mal-2,371 ħolma ta’ tfal meqjusa bħala vulnerabbli. Huwa spjega li ħafna drabi dawn jinkludu ikla mal-familja, ħwejjeġ u apparat elettroniku. Intant is-sena l-oħra kienu nġabru mal-2,331 rigal.

Kien spjegat kif l-għajnuna tal-pubbliku dejjem baqgħet b’saħħitha, anke fiż-żmien tal-pandemija, u sena wara oħra din il-kampanja tibqa’ toħroġ biċ-ċar il-qalb tajba tal-Maltin u l-Għawdxin.

“Ix-xogħol ma’ dawn il-familji mhuwiex biss fi żmien il-Milied, imma huwa xogħol ma jaqta’ xejn matul is-sena kollha. Għaliex it-tfal ħaqqhom l-aacqwa kura sabiex nassiguraw li ħadd ma jaqa’ lura. Din is-sena, fil-ħidma mat-tfal, implimentajna diversi proġetti biex proprju nassiguraw dan, fosthom Children’s House u Opportunity Knocks,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti u d-Direttur Remenda Grech ħeġġew lill-pubbliku sabiex jagħmlu dawn ix-xewqat tat-tfal realtà billi jżuru s-sit www.childrendreams.org.​