Stqarrija mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Imnedija konsultazzjoni pubblika dwar il-Viżjoni Soċjali għal Malta sal-2035
Numru ta’ Referenza: PR220764
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon nieda konsultazzjoni pubblika dwar ‘Il-Viżjoni Soċjali għal Malta 2035: Insawwru l-Futur tas-Soċjetà Tagħna’. Din il-viżjoni tindirizza l-bżonnijiet diversi u l-bidla kostanti tas-soċjetà Maltija, kif ukoll tidentifika l-aspirazzjonijiet ewlenin tas-soċjetà Maltija għall-futur.
“Għandna nibnu fuq ir-realtajiet tal-lum u l-isfidi kontemporanji, u huwa kruċjali li jkollna direzzjoni ċara ta’ fejn għandha tkun is-soċjetà tagħna fil-futur, u x’tip ta’ wirt irridu li jirtu l-ġenerazzjonijiet futuri tagħna. Minn perspettiva soċjali, huwa vitali li nwiegħdu ħajja diċenti u dinjituża lill-individwi kollha. Ibbażat fuq il-prinċipji tal-ġustizzja soċjali, jeħtieġ li niggarantixxu l-parteċipazzjoni sħiħa u ugwali tal-gruppi kollha f’soċjetà li hija ffurmata b’mod li tissodisfa l-bżonnijiet tagħhom,” sostna l-Ministru Falzon.
Il-Viżjoni Soċjali għal Malta sal-2035, filwaqt li tibni fuq strateġiji eżistenti, se toħloq serje ta’ għanijiet li għandhom jintlaħqu permezz ta’ strateġiji u pjanijiet ta’ azzjoni varji għas-snin li ġejjin. Il-Viżjoni tiddentifika ħdax-il qasam tematiku: Faqar u Esklużjoni Soċjali; Familji; Tfulija u Żgħożija; Anzjanità Attiva; Vizzji tas-Sustanzi; Vizzji tal-Logħob tal-Azzard u Vizzji t’Imġieba Oħra; l-Integrazzjoni ta’ eks-kriminali; Persuni b’Diżabilità; Persuni li jidentifikaw bħala LGBTIQ; Il-vjolenza, l-abbuż u l-isfruttament; u l-Migrazzjoni.
Il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali se tibqa’ prijorità fis-snin li ġejjin. Għal dan il-għan, il-Viżjoni twiegħed appoġġ lill-individwi vulnerabbli bl-għan li tiżgura ħajja aktar diċenti u dinjituża filwaqt li tiżgura li ħadd ma jitħalla barra.
Il-familja hija l-bażi tas-soċjetà. Filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu l-forom differenti tal-familja u x-xejriet emerġenti fis-soċjetà, il-Viżjoni se timmira li tipprovdi appoġġ xieraq lill-familji biex ikunu jistgħu joħolqu ambjent pożittiv għat-trobbija tat-tfal, jimmaniġġjaw aħjar l-isfidi tal-ħajja u jkunu aktar reżiljenti.
It-tfulija, iż-żgħażagħ u l-anzjani joffru realtajiet, sfidi u opportunitajiet differenti tal-ħajja. Fit-tfassil tal-Viżjoni, il-Gvern adotta approċċ imfassal apposta għal kull fażi biex jindirizza l-ħtiġijiet varji għal kwalità ta’ ħajja aħjar.
Sustanzi, logħob tal-azzard u vizzji oħra joħolqu sfidi speċifiċi li jistgħu jittaffew biss permezz ta’ miżuri preventivi preċiżi. L-isforzi biex jitjiebu l-prospetti ta’ persuni li jesperjenzaw kwalunkwe forma ta’ vizzju se jkunu ċċentrati fuq il-persuna. Bl-istess mod, l-isforzi se jkunu sostnuti permezz ta’ inizjattivi xierqa biex il-popolazzjoni inġenerali tiġi edukata dwar ir-riskji tal-vizzji.
Il-Viżjoni Soċjali tħares lejn gruppi li jeħtieġu attenzjoni diskreta bħall-integrazzjoni tal-eks kriminali. Il-Viżjoni tiffoka fuq li tippromwovi soċjetà aktar riċettiva u ta’ appoġġ fi proċess li se jiffoka fuq is-saħħa, l-edukazzjoni, l-impjieg u l-protezzjoni soċjali sabiex tipprevjeni lill-eks kriminali milli jirkadu.
Il-persuni b’diżabilità se jibqgħu prijorità ewlenija għall-Gvern sabiex jinkoraġġixxi u jappoġġja l-inklużjoni tagħhom fis-soċjetà. Se jitkomplew isiru l-isforzi sabiex jitnaqqsu l-ostakli, jiġu protetti mid-diskriminazzjoni u l-abbuż u jkunu provduti s-servizzi u l-ispazji meħtieġa li jippermettulhom jgħixu b’mod adegwat fil-komunità.
Tema oħra identifikata fil-Viżjoni hija dik tal-persuni LGBTIQ. Minkejja l-progress sinifikanti li Malta għamlet, il-Gvern għandu l-għan li jżomm il-pożizzjoni internazzjonali ewlenija tiegħu fit-termini tal-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet u l-benesseri tal-komunità LGBTIQ.
Il-vjolenza, l-abbuż u l-isfruttament huma sfidi li se jkomplu jaffettwaw lis-soċjetà Maltija b’mod inevitabbli u b’hekk jeħtieġ li jiġu indirizzati b’mod xieraq. F’dan ir-rigward, il-Viżjoni taspira li tipprovdi l-appoġġ meħtieġ lill-vittmi.
Il-migrazzjoni wkoll qed tħalli impatt fuq is-soċjetà Maltija u hija f’din ir-realtà li l-Viżjoni se tindirizza wkoll il-benefiċċji u l-isfidi li joriġinaw minn dan il-qasam.
Ġew identifikati numru ta’ għanijiet futuri għal kull qasam tematiku, li huma mistennija li jkunu l-bażi għall-iżvilupp tal-politika għas-snin li ġejjin. Se jsir ukoll monitoraġġ u rapportar adegwat sabiex ikun żgurat li l-implimentazzjoni ta’ din il-Viżjoni tirnexxi.
Il-partijiet interessati huma mistiedna sabiex jipprovdu l-feedback relatat mal-Viżjoni Soċjali għal Malta sal-2035, sat-8 ta’ Lulju 2022. Is-sottomissjonijiet elettroniċi jistgħu jintbagħtu fuq: info.rpod.family@gov.mt