Logo
Logo
  • MT
  • English

Stqarrija mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Imfakkar is-66 anniversarju mit-twaqqif tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali

06.05.2022 | Stqarrija

Numru ta’ Referenza: PR220563

Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali fakkar is-66 sena anniversarju mit-twaqqif tiegħu, ċelebrazzjoni ħajja ta’ benefiċċji u miżuri soċjali li matul is-snin komplew ikunu ta’ sostenn għall-familji Maltin u Għawdxin.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Michael Falzon qal li dan l-avveniment jimmarka 3 kisbiet ewlenin li jinkludi l-fatt li Gvernijiet Laburisti minn dejjem emmnu fis-solidarjetà u l-ġustizzja soċjali. Xhieda ta’ dan huma ż-żidiet kontinwi fil-pensjonijiet, iċ-children’s allowance, l-in-work benefit, u l-għajnuna supplimentari fost oħrajn.

Tragward ieħor li nkiseb din il-ġimgħa huwa r-rikonoxximent internazzjonali li rċieva d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali meta ngħata premju għall-ħidma effiċjenti li għamel waqt il-pandemija.

Il-Ministru Michael Falzon qal li r-responsabbiltà fuq dan id-Dipartiment hija waħda kbira, minħabba li dejjem jiżdiedu l-ammont ta’ benefiċjarji kif ukoll iż-żidiet imħabbra fl-ammont tal-benefiċċji. Fil-fatt, in-nefqa globali fl-ewwel 3 xhur tas-sena 2022 fuq benefiċċji soċjali laħqet it-€322 miljun, li meta tqabbilha man-nefqa fl-istess perjodu fl-2014 turi li n-nefqa żdiedet b’madwar €115.5 miljun (56%), nefqa li tfisser iktar mid-doppju ta’ dak li kellna fis-sena 2014 (li jkun inħadem fuq is-sena ta’ qabel).

Meta wieħed iħares lejn l-investiment li sar fuq benefiċċji kontributorji jinnota li din kibret b’madwar €123 miljun għal €271.6 miljun, filwaqt li n-nefqa fuq benefiċċji mhux kontribortji telgħet għal ftit aktar minn €50 miljun.

Il-Ministru Michael Falzon qal li l-akbar nefqa fl-ewwel kwart tas-sena kienet dik fuq il-pensjonijiet kontributorji u fuq il-pensjoni mhux kontributorja, tal-età. B’kollox telgħet għal aktar minn €249 miljun, li mqabbla man-nefqa fl-istess perjodu fl-2014 turi żieda ta’ €111 miljun (80%).

Wieħed mill-fatturi għal din iż-żieda kienet li f’dawn l-aħħar snin kiber l-għadd ta’ pensjonanti. Sal-aħħar ta’ Marzu l-għadd tagħhom kien ta’ 95,474—żieda ta’ 17,203. Għalkemm niżel sew l-għadd ta’ persuni li jirċievu l-pensjoni tal-invalidità u l-pensjoni tal-età, kiber b’mod qawwi l-għadd ta’ persuni rtirati u romol.

Intant in-nefqa fuq l-assistenza soċjali bejn l-ewwel kwart tal-2014 u dak tal-2022 niżlet b’madwar €6.5 miljun, bis-saħħa ta’ ekonomija b’saħħitha u pakkett ta’ benefiċċji soċjali maħsuba biex aktar nies ma jibqgħux dipendenti fuq il-benefiċċji.

“Quddiem dan l-investiment se nkomplu nkunu ta’ spalla għall-poplu Malti u Għawdxi. Dan ifisser aktar responsabbiltà fuq id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, sabiex inwasslu l-benefiċċji fil-ħin u lil min huwa intitolat. Ma nibżgħux mill-isfidi, ser nibqgħu ottimisti u nżidu aktar miżuri soċjali li jilqgħu għar-realtajiet li qed niffaċċjaw illum il-ġurnata”, temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.​​

Font Resize