Stqarrija mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: Indirizzati l-inġustizzji tal-passat għas-sitt sena konsekuttiva

29.04.2022 | Stqarrija

Numru ta’ Referenza: PR220526

Il-gvern kompla jindirizza l-inġustizzji tal-passat għas-sitt sena konsekuttiva, u l-iskema ta’ din is-sena se tkun applikabbli għall-eks membri tal-korpi mwaqqfa qabel l-1979 u oħrajn li wara daħlu jaħdmu fis-servizz pubbliku u għall-eks ħaddiema tax-xatt.

Ma’ dawn l-iskemi qed tiġi varata skema oħra li bdiet fl-2019 għall-eks impjegati tal-Gas Board u għal grupp żgħir ta’ eks apprentisti tal-Malta Electricity Board li ġew trasferiti mal-korporazzjoni Enemalta.

Dawn id-dettalji tħabbru mill-Ministru għall-Politika Soċjali Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn qal li sa issa tqassmu mas-€66 miljun minn meta dan il-gvern beda jagħti dawn l-għotjiet lil dawk li ġarrbu inġustizzji fil-passat.

“Dan il-gvern fl-aħħar snin wera li dejjem kien hemm għan-nies, dejjem irsista sabiex jgħin lill-familji tagħna, lill-pensjonanti tagħna. Dan il-gvern se jkompli jidħol għall-persuni li għandhom bżonn għajnuna addizzjonali, tant li għal darb’oħra, għal din il-leġiżlatura inkluda l-wegħda fil-manifest elettorali li jżomm kelmtu ma’ dawk kollha milquta b’xi mod jew ieħor”, semma l-Ministru Michael Falzon.

Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-ministeru, Mark Musu, qal li aktar minn 5,000 persuna ser ikunu intitolati għall-għotjiet li jitħallsu skont it-tliet skemi mfassla mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u mill-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, bi qbil mal-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol. B’kollox ser jitħallsu madwar €10 miljun.

It-termini u kundizzjonijiet tal-iskemi ser jiġu ppubblikati fil-ħarġa li jmiss tal-Gazzetta tal-Gvern. Iż-żmien biex wieħed japplika jagħlaq fl-aħħar ta’ Lulju u l-ħlasijiet isiru aktar tard matul is-sena wara proċess ta’ verifika.

Skemi li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal

Dawn huma eliġibbli għal:

  1. Persuni li daħlu fis-servizz pubbliku wara s-16 ta’ Jannar 1979 u li qabel din id-data għamlu xi żmien iservu f’dipartimenti tal-gvern, iżda mhux bħala uffiċjali pubbliċi;
  2. Persuni li kienu
    • impjegati f’xi korporazzjoni jew entità fis-settur pubbliku wara li għamlu xi żmien iservu f’wieħed mill-korpi tax-xogħol imwaqqfa qabel l-1979; jew
    • impjegati mal-Gas Board sakemm dan spiċċa u wara kienu impjegati mal-korporazzjoni Enemalta; jew
    • apprentisti mal-Malta Electricity Board sakemm dan spiċċa u wara kienu impjegati mal-korporazzjoni Enemalta. 

Iż-żmien li persuna tkun għamlet isservi f’xi dipartiment tal-gvern, iżda mhux bħala uffiċjal pubbliku, ma jkunx ikkalkulat għal fini tal-iskema.

L-iskemi ma japplikawx għall-persuni li kienu f’wieħed mill-korpi mwaqqfa wara l-1979, u  persuni li qed jirċievu, jew li għandhom id-dritt li jirċievu, pensjoni tas-servizz.

Persuni li applikaw taħt l-istess skemi fis-snin ta’ qabel u għadhom eliġibbli m’għandhomx għalfejn jerġgħu japplikaw. Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ser jipproċessa l-ħlas ta’ għotjiet skont it-tagħrif miġbur fis-snin ta’ qabel.

F’każ ta’ mewt ta’ applikant eliġibbli, trid issir applikazzjoni mill-ġdid mill-armla jew mill-eredi awtorizzat/a. Applikazzjonijiet minn eredi jridu jiġu ppreżentati flimkien ma’ dikjarazzjoni magħmula quddiem nutar li fiha jitniżżlu min huma l-eredi u min huwa jew hija l-eredi li qed jidher f’isimhom.

Dan japplika wkoll f’każ ta’ mewt ta’ eredi awtorizzat/a. L-eredi l-oħra jridu jawtorizzaw min fosthom ser ikun jirrappreżentahom billi jissottomettu applikazzjoni ġdida flimkien ma’ dikjarazzjoni magħmula quddiem nutar li fiha jniżżlu l-isem u d-dettalji tal-eredi awtorizzat/a.

Applikanti jridu jimlew formola tal-applikazzjoni u jibagħtuha bil-posta flimkien mad-dokumenti meħtieġa, lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jew bil-posta elettronika fuq social.security@gov.mt. Aktar tagħrif jista’ jinkiseb fuq il-freephone 153 jew minn fuq il-website tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.

  • Skema għall-eks ħaddiema tax-xatt

L-iskema tal-eks ħaddiema tax-xatt qed titħaddem mill-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali skont ftehim milħuq bejn il-gvern u l-General Workers’ Union. Din hija s-sitt u l-aħħar sena ta’ din l-iskema li tapplika għal dawk il-ħaddiema jew l-eredi tagħhom li kienu msieħba fil-Port Pension and Contingency Fund bejn l-4 ta’ April 1973 u l-1 ta’ Ġunju 2007.

Mill-iskema qed jibbenefikaw aktar minn 600 eks ħaddiema jew l-eredi tagħhom.

Anke taħt din l-iskema, l-applikanti eliġibbli li tħallsu pagament fis-snin ta’ qabel m’għandhomx għalfejn jerġgħu japplikaw.

F’każ ta’ mewt ta’ applikant eliġibbli jew tal-eredi awtorizzat/a, trid issir applikazzjoni ġdida.​

Font Resize