Stqarrija mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal: Jissaħħu u jiżdiedu s-servizzi online tas-Sigurtà Soċjali

10.03.2022 | Stqarrija

Numru ta’ Referenza: PR220338

Il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal kompla jsaħħaħ is-servizzi online tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, dan bl-għan li jkompli jnaqqas il-burokrazija u jsaħħaħ is-servizz ipprovdut mingħajr ħafna ħin żejjed u skariġġ minn uffiċċju għall-ieħor.

Madwar 27,000 persuna fix-xahar, jagħmlu użu mis-siti elettroniċi ta’ dan il-ministeru, u persuna tista’ tissottometti applikazzjoni għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali jew taċċessa servizzi personalizzati online billi tuża l-kont tal-e-ID tagħha. Is-sena l-oħra ġew sottomessi aktar minn 12,000 kopja taċ-ċertifikat blu tal-mard online.

Sa Frar ta’ din is-sena diġà ġew sottomessi 3,000 kopja, li juri li l-użu tas-servizzi online qed isir aktar popolari. Ta min isemmi ukoll li aktar minn 96.5% tal-benefiċċjarji illum qed jirċievu l-pagamenti tas-sigurtà soċjali f’kont bankarju li tkompli turi l-bidla li qed issir.

Id-dettalji kienu mħabbra mil-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet, li matulha tkellem fid-dettall dwar bosta servizzi innovattivi li qed jingħataw sabiex  elenka l-mod li bih ingħataw numru ta’ servizzi online.

“Matul dawn l-aħħar ħames snin rajna introduzzjoni bla preċedent ta’ miżuri soċjali, li laħqu eluf ta’ familji u pensjonanti. Benefiċċji li dejjem waslu fil-ħin u saħansitra qabel iż-żmien. Dawn il-pagamenti dejjem isiru kif ippjanat permezz ta’ sistema diġitali organizatta”, stqarr il-Ministru Michael Falzon.​

Intant, id-dipartiment se jimplimenta sistema ta’ Customer Relationship Management (CRM) ibbażata fuq l-infrastruttura ta’ servizz.gov. Din se jkollha l-istess funzjonalità u l-karatteristiċi ta’ servizz.gov, iżda se jkollha wkoll il-funzjonalità li tippermetti li jiġu stabbiliti proċessi speċifiċi għad-dipartiment. Is-sit sabiex wieħed iżomm ruħu aġġornat dwar il-benefiċċji soċjali kollha u l-applikazzjonijiet huwa   https://socialsecurity.gov.mt.

Font Resize