Stqarrija mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal u mill-Ministeru għal Għawdex: Ftehim ta’ aktar minn nofs miljun ewro ma’ Dar Emmaus

10.02.2022 | Stqarrija

Numru ta’ Referenza: PR220185

Għal darba oħra, il-gvern u l-Knisja ngħaqdu biex isaħħu l-ħidma fil-komunità, din id-darba f’Għawdex. Il-ftehim soċjali ssiġillat din il-ġimgħa, jinkludi t-tmexxija tax-xelter Dar Emmaus, li jilqa’ nies bla saqaf fuq rashom u persuni vulnerabbli li jkollhom bżonn għajnuna fl-immedjat.

Il-ftehim sar bejn il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet flimkien mal-Fondazzjoni Kenn u Tama, li tmexxi x-xelter Dar Emmaus. B’hekk, se jkun garantit il-finanzjament għat-tliet snin li ġejjin, li jlaħħaq il-€512,460.

L-iffirmar sar f’din ir-residenza stess, fil-preżenza tal-Ministru Michael Falzon, tal-Ministru Clint Camilleri, tal-Monsinjur Joe Vella Gauci u tal-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti, fost l-oħrajn.

Dan huwa t-tielet ftehim soċjali li ssiġilla l-ministeru soċjali għal din is-sena bħala parti minn pjan kontinwu ta’ sapport li qed jingħataw l-NGOs sabiex iwettqu aktar xogħol ma’ nies vulnerabbli.

“Se nkomplu nwasslu s-servizzi tagħna f’Għawdex ukoll. Konvint li nibqgħu nagħmlu aktar ġid flimkien, dejjem fl-interess tas-soċjetà tagħna. Il-missjoni tagħna hija li nidentifikaw iktar każijiet li jeħtieġu aktar għajnuna. Wara kull każ, hemm familja, hemm it-tfal, hemm persuni vulnerabbli”, qal il-Ministru Michael Falzon.

Fir-residenza ta’ Dar Emmaus, se jkun hemm 12-il sodda disponibbli, flimkien ma’ sapport psikosoċjali u għajnuna biex dawn il-persuni jerġgħu jintegrawfis-soċjetà.

“Dan il-gvern jemmen fil-kollaborazzjoni, mhux biss bejn il-ministeri iżda anke mal-Knisja ta’ Għawdex. Qed naraw li f’Għawdex nestendu s-servizzi li qed jingħataw f’Malta b’suċċess”, qal il-Ministru Clint Camilleri.

Waqt l-istess ġurnata li fiha sar dan il-ftehim, saret żjara wkoll f’Dar Trionfi li ngħatat mill-Knisja lill-FSWS għaż-żmien temporanju ta’ sentejn. Din id-dar se tilqa’ individwi u familji li għal raġunijiet varji jispiċċaw bla saqaf fuq rashom.Dan sakemm isiru x-xogħlijiet fuq il-ħames appartamenti li nxtraw mill-gvern biex jakkomodaw familji bi sfidi soċjali.

Font Resize