Stqarrija mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal: Sena ta’ ħidma rekord fil-qasam soċjali

04.12.2021 | Stqarrija

Numru ta’ Referenza: PR212171

In-nefqa globali fuq il-pensjonijiet u l-benefiċċji, inklużi pensjonijiet tas-servizz u servizzi soċjali oħrajn, hija stmata li laħqet is-somma rekord ta’ €1.3 biljun matul is-sena 2021. Dawn il-pagamenti huma amministrati mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal. 

L-akbar nefqa tammonta għal €1,130,000,000 u tmur direttament f’pensjonijiet u benefiċċji soċjali. Parti kbira  minn din-nefqa tmur għall-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali u numru ta’ ftehimiet soċjali ma’ NGOs li jwettqu ħidma fil-komunità. 

Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon u s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Mark Musù. 

“Din hija xhieda ċara ta’ kemm il-politika tal-gvern qed tasal fid-djar tal-familji tagħna. Ilbieraħ rajna kif għal darb’oħra rreġistrajna rata inqas ta’ persuni f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali. Dan ma sarx b’kumbinazzjoni, iżda permezz ta’ politika mmirata li ttella’ ‘l fuq lil dawk l-aktar faxxex vulnerabbli. Nirrimarka wkoll dwar iż-żieda konsekuttiva fil-pensjonijiet, iċ-children’s allowance, benefiċċji supplimentari, u sensiela ta’ miżuri oħra intiżi sabiex jassistu lill-familji kif ukoll jagħtu spinta finanzjarja”, stqarr il-Ministru Michael Falzon. 

Fi preżentazzjoni dettaljata, is-Segretarju Permanenti Mark Musù  qal li matul is-sena 2021 se jkunu saru madwar żewġ miljun pagament ta’ pensjonijiet u benefiċċji soċjali (esklużi l-pensjonijiet tas-servizz u l-pensjonijiet u l-benefiċċji li jitħallsu lill-benefiċjarji tagħna barra minn Malta). Minn dawn, 93.5% saru bi kreditu dirett fil-kont bankarju tal-benefiċjarji filwaqt li 6.5% biss saru b’ċekk. 

Is-segretarju permanenti qal ukoll li sar titjib fejn jidħlu n-numru ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali. Fil-fatt, meta wieħed iħares lejn l-indikatur ta’ qabel li jkejjel id-deprivazzjoni materjali u severa isib li mqabbel mas-sena 2013: tnejn minn kull tliet persuni ma għadhomx f’ċaħda materjali severa; tlieta minn kull ħames persuni ma għadhomx f’ċaħda materjali; wieħed minn kull ħamsa ma għadhomx f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali; u tlieta minn kull ħames persuni ma għadhomx jgħixu fuq l-assistenzi soċjali u qed jaħdmu. 

Intant, il-biċċa l-kbira tal-miżuri soċjali għas-sena 2022 se jkunu implimentati fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla u b’hekk dan il-ministeru jkun laħaq ir-rata ta’ 99.6% fit-twettiq tal-proposti tal-manifest elettorali allokati lilu biex jitwettqu. 

Il-Ministru Michael Falzon stqarr li dan il-gvern iwettaq fil-ħin dak li jwiegħed u fakkar kif fi żmien amministrazzjoni preċedenti, qabel l-2013, il-wegħdi elettorali qatt ma kienu jiġu onorati kollha, filwaqt li kien normali li jiżdiedu piżijiet u taxxa fuq il-poplu kollu. 

“Dan il-gvern ma jemminx f’din il-politika. Nemmnu f’politika ta’ tkabbir ekonomiku, ta’ opportunitajiet ta’ xogħol, u fit-tkattir tal-ġid. Il-familji illum jafu fejn qegħdin magħna. Aħna kommessi li nkomplu nħallu aktar flus fil-but ta’ kulħadd. Ftit jiem oħra se naraw l-implimentazzjoni ta’ aktar miżuri soċjali, li se jkomplu jsaħħu l-katina ta’ miżuri soċjali implimentati fl-aħħar snin”, temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.​​

Font Resize