Logo
Logo
  • MT
  • English

Stqarrija mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal u l-Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija: Tnedija tal-iskema pilota ‘Digital Connect’

19.11.2021 | Stqarrija

Numru ta’ Referenza: PR212081

Investiment ta’ madwar €2 miljun li se jilħaq madwar 2,300 familja sabiex tkun indirizzata l-qasma diġitali

Il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon u l-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri nedew l-iskema Digital Connect immirata li tindirizza l-qasma diġitali. 

“Din l-iskema b’investiment ta’ madwar €2 miljun, li se tilħaq madwar 2,300 familja, u li permezz tagħha dawk il-familji identifikati – u għal dan hemm means test – se jkunu intitolati għal laptop kif ukoll voucher ta’ €300 għal internet b’xejn għal sena sħiħa. Għal din l-iskema, identifikajna familji li għandhom dħul baxx u li konsegwentament qatgħu lura mill-aspett teknoloġiku, u għalhekk dan il-proġett pilota immirat li jimbotta ‘l quddiem l-inklużjoni u l-ħiliet diġitali”, qal il-Ministru Schembri.

“Dan huwa eżempju ieħor ta’ kif bil-fatti ninvestu fil-poplu tagħna. Is-sena d-dieħla se nkunu qed naraw għexieren ta’ miżuri soċjali ġodda kif ukoll oħrajn li se jkunu implimentati. Irridu naraw li ħadd ma jaqa’ lura, u li kulħadd igawdi minn opportunitajiet ugwali. Dan hu gvern li verament qalbu tħabbat fil-post it-tajjeb u li verament jemmen fil-ġustizzja soċjali, gvern li jara li kull familja jkollha aċċess għall-bżonnijiet bażiċi sabiex jgħixu ħajja diċenti”, stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Kien spjegat li dawk li se jibbenefikaw minnha huma dawk li attwalment qed igawdu minn dawn is-servizzi tas-sigurtà soċjali; dawk li għandhom il-karta r-roża, li jirċievu pensjoni non-kontributorja, li jirċievu assistenza soċjali, ġenituri waħedhom u li jirċievu l-assistenza f’każ ta’ persuni bla xogħol.

Din l-iskema se tiġi mnedija permezz ta’ proġett pilota li se ssir f’dawn il-lokalitajiet: Pembroke, Ħal Luqa, is-Swieqi, Ħaż-Żebbuġ (Malta), il-Gżira, l-Imtarfa, in-Naxxar, is-Siġġiewi, il-Birgu, ir-Rabat (Malta), Għajnsielem, Ħal Qormi, Kerċem, Ħad-Dingli u Sannat. Il-familji identifikati se jkunu qed jirċievu ittra u minn hemm ikun jista’ jiskatta proċess ta’ applikazzjoni. Kull unità domestika tista’ tissottometti biss applikazzjoni waħda, filwaqt li kull applikant ikun eliġibbli li japplika darba waħda biss. Intqal li l-iskema mhijiex abbażi ta’ first-come-first-served, madankollu kull applikazzjoni se tkun eżaminata b’reqqa.

Barra minn dan, l-applikanti huma fid-dover li jaraw li l-laptop ma jistax ikun trasferit jew li jintuża minn partijiet terzi. Fil-fatt, se jkun qed isir awditjar dwar il-laptops li jkunu ngħataw. F’każ li l-laptop ma jkunx użat għal użu personali, jiġifieri li jkun trasferit, jistgħu jittieħdu passi dixxiplinarji.

Il-laptops kollha għandhom garanzija li tibda mal-mument li laptop ikun inġabar mill-bejjiegħ awtorizzat meta l-applikant ikun ippreżenta l-ittra ta’ aċċettazzjoni flimkien mal-karta ta’ identità. F’każ li jintilef, il-Malta Digital Innovation Authority trid tiġi infurmata.

Fil-każ ta’ voucher ta’ €300  ta’ internet b’xejn, dawn se jkunu ddistribwiti permezz ta’ ittra reġistrata. ​

Biex wieħed japplika, jista’ jagħmel dan b’mod personali għand il-Malta Digital Innovation Authority  fl-Imrieħel, u miegħu jieħu l-karta ta’ identità u l-ittra ta’ eliġibbiltà, jew billi jżur id-Digital Connect stand li se tkun fil-lokalitajiet, kif se jkun iggwidat mil-leaflet li se jirċievi mal-ittra tal-eliġibbiltà bil-posta. L-iskema hija miftuħa min-nhar it-Tnejn, 29 ta’ Novembru, sat-Tlieta, 21 ta’ Diċembru. Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jċempel fuq il-freephone 80072323 min-nhar it-Tlieta, 23 ta’ Novembru, jew iżur is-sit www.mdia.gov.mt/digitalconnect.