Stqarrija mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal: Ftehim soċjali sabiex jgħin tfal ta’ ġenituri b’mard serju

10.11.2021 | Stqarrija

Numru ta’ Referenza: PR212019

Il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal estenda ftehim soċjali għat-tliet snin li ġejjin mal-Fondazzjoni Karl Vella, illi tgħin tfal ta’ ġenituri morda serjament, minn aspett psiko-soċjali.

Il-Fondazzjoni Karl Vella temmen li t-tfulija hija fost l-aktar stadji importanti fl-iżvilupp ta’ persuna u għalhekk taħdem sabiex tagħti l-aqwa dinjità lil kull tifel u tifla. Dan speċjalment f’sitwazzjonijiet fejn t-tfal ikollhom membri tal-familja li qegħdin ibatu minn mard serju, b’riżultat li jaf ikun hemm inqas attenzjoni fuq it-tfal.

Mill-2019 sal-lum, 149 tifel u tifla gawdew minn servizzi tal-Fondazzjoni. Sa issa saru ‘l fuq minn 1,200 sessjoni terapewtika, jew b’mod individwali jew fi gruppi. Matul il-pandemija, din il-Fondazzjoni xorta waħda baqgħet tagħti one-to-one sessions, mhux biss mat-tfal iżda anke mal-ġenituri jew dawk li għandhom kura legali tat-tfal.

Fi żjara li għamel lill-istess Fondazzjoni, il-Ministru Michael Falzon qal li dan il-Gvern qed jagħmel l-almu tiegħu sabiex ikompli jagħmel id-differenza fil-ħajja ta’ kull tifel u tifla li diġà jkunu għaddejja minn żmien turbulenti, kawża tal-mard li jkun ġie mingħajr mistenni.

“Permezz tal-ftehim li għandna quddiemna, se nkunu qed niggarantixxu l-finanzjament ta’ €300,000 fuq medda ta’ 3 snin. Irridu naraw li permezz ta’ kontinwazzjoni, inkomplu nsaħħu s-servizzi mogħtija, it-taħriġ u l-ingaġġ t’aktar professjonisti f’dan is-settur”, stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Intant, matul is-sena d-dieħla l-Gvern se jkun qed jallokka s-somma ta’ €22 miljun fuq ftehimiet soċjali, inklużi wkoll dawk li jsiru mal-qasam tad-diżabbiltà.   

Font Resize