Logo
Logo
  • MT
  • English

Stqarrija mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal: Is-seba’ żieda għall-pensjonanti

13.10.2021 | Stqarrija

Numru ta’ Referenza: PR211879

“Matul is-sena 2022, in-nefqa fuq benefiċċji soċjali se tqarreb il-€1.2 biljun, illi l-maġġoranza tagħhom se tmur fuq pensjonijiet lil madwar 95,000 pensjonant. Aħna qegħdin hemm għan-nies, għall-potenzjal ta’ kull Malti u Għawdxi. Hekk qed ninvestu fin-nies u mhux naħlu l-flus. Dan b’kuntrast mal-Oppożizzjoni li ssejjaħ dan l-investiment bħala ħela ta flus u teatrin”, saħaq il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet bit-tema marbuta maż-żieda fil-pensjonijiet, li tħabbru fil-Baġit għas-sena d-dieħla.

Il-Ministru Michael Falzon qal li dan il-Gvern żamm kelmtu mal-pensjonanti kollha, li se jkunu qed igawdu minn żieda ta’ €5 fil-ġimgħa; €3.25 li hija ż-żieda addizzjonali u €1.75 li huma ż-żieda għall-għoli tal-ħajja.

B’hekk kull pensjonant se jgawdi minn żieda ta’ €260 fis-sena. Din iż-żieda lill-pensjonanti kollha tas-sigurtà soċjali qed issir b’investiment ta’ €24 miljun. B’hekk Jannar 2022 se jfisser l-introduzzjoni tas-seba’ żieda konsekuttiva fil-pensjonijiet.

Il-Ministru Michael Falzon stqarr li kull pensjonant żdied b’€14.18 fil-ġimgħa, meta wieħed iqabbel is-sena 2022 mas-sena 2018. Il-Ministru qal li mhux talli nżammet l-wegħda tal-Manifest Elettorali, talli din is-somma nqabżet kważi bid-doppju. Meta wieħed jiġbor is-somma li tinkludi ż-żidiet għall-għoli tal-ħajja, din titla’ bi €11.07 oħra għal €25.25.

Kull pensjonant żdied b’minn tal-inqas €737.36 fis-sena f’żidiet diretti fil-pensjoni, meta jikkumpara s-sena 2022 mas-sena 2018. Jekk magħhom jiżdiedu ż-żidiet għall-għoli tal-ħajja (COLA), iż-żieda totali tammonta  għal €1,313.

Iż-żidiet fil-pensjonijiet bdew fuq żewġ kategoriji fis-sena 2016, u komplew fl-2017, u dawn kienu japplikaw ghal pensjonanti fuq l-pensjoni minima u l-pensjoni tal-eta’.

Mill-2018 iż-żidiet bdew jingħataw lill-pensjonanti kollha.

Il-Ministru Falzon qal li dan il-Gvern  japprezza x-xogħol kbir li wettqu l-pensjonanti fil-passat u ta’ dan il-Gvern se jibqa’ grat lejhom u se jkompli jirrikonoxxi l-impenn tagħhom fis-soċjetà. Il-Ministru Michael Falzon innota li waqt sena ta’ pandemija, minkejja kollox, kien hemm tnaqqis ta’ persuni 65+ f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali.

Il-Ministru Falzon qal li kif għall-ewwel darba 1,200 persuna ser jibdew jieħdu pensjoni. Dan wara li tkomplew jiġu indirizatti sitwazzjonijiet fejn persuni, għalkemm kienu ħallsu 10 snin bolla, ma kellhomx bolol mħallsa biżżejjed sabiex jieħdu l-pensjoni. Din is-sena twettqet  ġustizzja ma’ aktar minn 800 persuna, fil-maġġoranza tagħhom nisa, li kkwalifikaw għal pensjoni tal-irtirar imnaqqsa billi ttieħdu inkunsiderazzjoni l-bolol li ħallsu meta kienu fl-impjieg qabel għalqu l-eta ta’ 19-il sena.

Sal-lum għad hemm madwar 1,200 persuna li ħallsu mill-anqas 10 snin bolol imma għadhom mhux intitolati għall-pensjoni għax ma ħallsux bolol minn Jannar 1979 ’il quddiem. Dawn ukoll issa ser jibdew jikkwalifikaw għall-ekwivalenti tal-anqas rata tal-pensjoni taż-żewġ terzi li hi ta’ madwar €50 fil-ġimgħa b’nefqa totali ta’ €3.2 miljun.

Barra minn hekk, persuni li jkunu laħqu l-età ta’ 59 sena, li jkollhom xi kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali neqsin u li jkunu qed jirċievu l-pensjoni tal-invalidità, ser ikunu jistgħu jħallsu sa 5 snin ta’ kontribuzzjonijiet b’lura wkoll.

Aktar faxex ta’ pensjonanti li se jibbenefikaw minn żidiet

Għajnuna supplimentari – li ħafna minnhom se jirċievuha l-pensjonanti. 
Karta r-Roża –  għal dawk ’il fuq minn tmenin sena u li qed jieħdu l-għajnuna supplimentari. 
Aġġustament għat-tneħħija mit-taxxa fuq il-pensjonijiet, se ngħollu l-massimu ta’ dħul minn pensjonijiet għal €14,318.  
Lil dawk il-koppji b’pensjoni u għandhom komputazzjoni ta’ miżżewġin se jkomplu jgawdu minn €3,600 dħul ieħor li jkun eżentat minn ħlas ta’ taxxa.
Se nneħħu dħul mill-pensjoni milli jiġi kkalkulat bħala dħul sabiex ninkoraġġixxu l-pensjonanti jibqgħu attivi u jkomplu jaħdmu. 
Aġġustament b’mod gradwali fil-pensjoni tar-romol, biex tkun l-istess bħal tal-konjuġi tagħhom meta jiġu nieqsa u sussegwentament jibqgħu jieħdu ż-żidiet kollha mogħtija mill-Gvern. Se jgawdu 12,000 pensjonant minn żieda massima ta’ €5 fil-ġimgħa b’nefqa totali ta’ €3.3m. Din ukoll hija Proposta Elettorali oħra li qiegħda titwettaq.
Żieda oħra ta’ €150 fil-bonus annwali għall-anzjani li ma jikkwalifikawx għall-pensjoni kontributorja li laħqu l-età tal-irtirar iżda ma jikkwalifikawx għall-pensjoni għax ma kellhomx biżżejjed kontribuzzjonijiet. Madwar 12,500 persuna, l-aktar nisa, ser igawdu minn din iż-żieda b’nefqa totali ta’ kważi €2m. Din ser tkun ir-raba’ u l-akbar żieda. B’kollox se jkun hemm żieda ta’ €500.
Żieda fil-pensjoni tas-servizz għal darb’oħra b’€200 li ġeneralment kien jiġi injorat fl-assessjar tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali. Se titla’ għal €3,066.
B’hekk ser inkunu wettaqna kompletament il-wegħda li ntejbu l-pensjonijiet tas-servizz. Ser igawdu madwar 3,250 pensjonant tas-servizz, b’nefqa totali ta’ €2.7m.
Miżura favur ħaddiema part-time b’aktar minn impjieg wieħed. Opportunità lill-ħaddiema t’issa biex meta jaslu biex jirtiraw ngħinuhom ikollhom pensjoni aħjar, jibdew iħallsu l-bolla tas-sigurtà soċjali fuq aktar minn xogħol part-time wieħed sa massimu ta’ 40 siegħa xogħol fil-ġimgħa. Potenzjal ta’ madwar 10,000 ħaddiem ser igawdu minn din il-miżura. 
Persuni intitolati għal pensjoni għal korriment fuq ix-xogħol u li jibqgħu jaħdmu biex kemm idumu jaħdmu ma jkollhomx tnaqqis minn benefiċċji futuri tal-mard, tal-qgħad jew ta’ xi korriment fuq ix-xogħol, li jistgħu japplikaw għalihom.  
Ħlas fuq part-time intaxxat issa b’10% minflok 15%.
Żieda f’dik li hi l-għajnuna supplimentari fejn allura tassew qegħdin nwieżnu l-aktar lil dawk li għandhom bżonn għajnuna.
Ikklikkja hawn biex tara d-dokument.