Stqarrija mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal: Ikompli jonqos l-faqar u l-esklużjoni soċjali fis-sena 2020

29.09.2021 | Stqarrija

Numru ta’ Referenza: PR211787

Ikompli jonqos l-faqar u l-esklużjoni soċjali fis-sena 2020 – tnejn minn kull tliet persuni m’għadhomx f’ċaħda materjali severa waqt li tlieta minn kull ħames persuni m’għadhomx f’ċaħda materjali 

Skont il-kejl uffiċjali tal-Unjoni Ewropea kif rifless fl-aħħar statistika maħruġa mill-NSO, ir-rata ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali naqset għal 19.9% fl-2020 minn 20.8% sena qabel. Dan jirrifletti tnaqqis fil-persentaġġ ta’ familji b’parteċipazzjoni baxxa fis-suq tax-xogħol u ta’ dawk f’ċaħda materjali u soċjali, kif ukoll tnaqqis fir-rata ta’ dawk li għandhom dħul taħt 60% tad-dħul medjan nazzjonali.

L-akbar titjib kien osservat fost dawk ta’ età ta’ akbar minn 65 sena, fejn ir-rata naqset bi 2.2% meta mqabbla mal-2019. Anke fost it-tfal kien hemm tnaqqis sinifikanti fir-riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali, b’rata li naqset b’1.3% fl-2020. Dan juri li l-politika tal-gvern li jsostni lill-pensjonanti u lill-familji bit-tfal qed tħalli l-frott.

Ta’ min jinnota li dan it-titjib seħħ minkejja li din is-sena l-parametri tal-kejl użat mill-Unjoni Ewropea u allura adottat mill-NSO twessgħu aktar biex jiddaħħlu elementi soċjali li qabel ma kinux ikkunsidrati. Fil-fatt li kieku wieħed jara l-kejl li kien jintuża sena ilu, it-tnaqqis fir-rata ta’ dawk f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali kien ikun minn 20.1% fl-2019 għal 19.0% fl-2020.

Fl-2013, ir-rata ta’ dawk f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali kienet ta’ 24.6%, li jfisser li f’seba’ snin ir-rata naqset bi kważi kwart milli kienet qabel il-bidla fil-gvern. B’kuntrast fis-seba’ snin ta’ qabel l-2013 kien hemm żieda minn 19.5% għal 24.6%, fi kliem ieħor kienet żdiedet b’aktar minn kwart taħt il-gvern preċedenti. Bil-kejl l-oriġinali, ir-rata rreġistrata fl-2020 hija l-anqas rata qatt irreġistrata mindu bdiet tinġabar din l-istatistika f’pajjiżna. 

RATA TA’ RISKJU TA’ FAQAR JEW ESKLUŻJONI SOĊJALI*

2006 19.5%
2013 24.6%
2020 19.0%

* Bil-kejl oriġinali    Sors NSO 

Aħbar tajba oħra hija li anke r-rata ta’ riskju ta’ faqar, fi kliem ieħor dik ir-rata bbażata biss fuq id-dħul tal-familji, naqset minn 17.1% għal 16.9%.  Ta’ min jgħid li ċ-ċifri dwar id-dħul tal-familji huma ibbażati fuq id-dħul fis-sena 2019.  Dan ifisser li għall-ewwel darba wara ħafna snin, id-dħul ta’ dawk taħt il-linja tas-60 fil-mija tad-dħul medjan nazzjonali, kiber iżjed minn ta’ dawk ta’ fuqha, fost oħrajn bis-saħħa tal-miżuri soċjali li daħħal il-gvern.

It-titjib fir-rata ta’ riskju ta’ faqar seħħ f’kuntest fejn il-qligħ disponibbli tal-familji kompla jogħla b’mod qawwi. Fil-fatt id-dħul disponibbli medju ta’ familja żdied minn €28,505 għal €31,266, jew bi kważi €2,800. Dan ifisser żieda ta’ 10% fuq is-sena ta’ qabel.  Dan huwa evidenza ta’ kemm il-politika ekonomika tal-gvern wasslet għal titjib fis-suq tax-xogħol u d-dħul tal-familji f’pajjiżna. 

RATA TA’ RISKJU TA’ FAQAR, DĦUL DISPONIBBLI U ĊAĦDA MATERJALI U SOĊJALI 

  2019 2020
Riskju ta’ faqar 17.1% 16.9%
Dħul Disponibbli* €28,505 €31,266
Ċaħda Materjali u Soċjali 9.9% 9.4%

* Ibbażat fuq id-dħul fis-sena ta’ qabel         Sors NSO

 

Ir-rata ta’ dawk f’sitwazzjoni ta’ ċaħda materjali u soċjali, li huwa kejl ġdid li beda jintuża issa, naqset minn 9.9% fl-2019 għal 9.4% fl-2020. Dan kien jirrifletti titjib fil-proporzjon ta’ dawk li jħossu li jaffordjaw li jipparteċipaw f’attività ta’ rikreazzjoni b’mod regolari, dawk li ma jsibux diffikultà biex ibiddlu għamara fi djarhom li  tkun qdiemet, dawk li jaffordjaw li jżommu darhom sħuna fix-xitwa u kif ukoll tnaqqis f’dawk li għandhom arretrati f’kontijiet, kirjiet jew djun.

Ta’ min jgħid li bil-kejl l-oriġinali, ir-rata ta’ ċaħda materjali naqset minn 19.9% fl-2014 għal 8.7% fl-2020, tnaqqis ta’ 40,143 persuna. Ir-rata ta’ dawk f’sitwazzjoni ta’ caħda materjali u soċjali severa baqgħet prattikament stabbli f’livell ta’ 5.1%.

Dan ukoll huwa kejl ġdid li ħa post il-kejl ta’ qabel li kien ikejjel iċ-ċaħda materjali severa fejn bil-kejl l-oriġinali ir-rata fl-2020 niżlet għal 3.3% minn 3.6% is-sena ta’ qabel u minn 10.3% fl-2014, tnaqqis ta’ 26,542 persuna. 

RATA TA’ ĊAĦDA MATERJALI U ĊAĦDA MATERJALI SEVERA*

  2014 2020 Tnaqqis
Ċaħda Materjali (%) 19.9 8.7 11.2
Ċaħda Materjali (Numru ta’ persuni) 83,876 43,733 40,143
Ċaħda Materjali Severa (%) 10.3 3.3 7.0
Ċaħda Materjali Severa (Numru ta’ persuni) 43,178 16,636 26,542

* Bil-kejl oriġinali                 Sors NSO 

Imqabbel mal-2014, illum tnejn minn kull tliet persuni m’għadhomx f’ċaħda materjali severa waqt li tlieta minn kull ħames persuni m’għadhomx f’ċaħda materjali. F’kumment li ta l-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon huwa qal li kull tnaqqis fil-faqar huwa importanti għax juri b’mod ċar li l-politika soċjali tal-gvern tkun qed taħdem.

Huwa sostna li ċ-ċifri jikkonfermaw l-importanza tal-intervent tal-gvern permezz tas-sistema tas-sigurtà soċjali. Il-Ministru Falzon tenna li kieku ma sarx it-titjib qawwi fil-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali li wasslu għal investiment rekord ta’ aktar minn €1 biljun f’dan is-settur, l-ammont ta’ dawk li kienu jkunu f’riskju ta’ faqar kien ikun id-doppju ta’ dak li fil-fatt hu.

Il-Ministru Michael Falzon temm jgħid li fil-baġit li se jitħabbar fil-11 ta’ Ottubru, il-gvern ser ikompli jagħti sostenn lill-pensjonanti u l-anzjani, lill-familji bit-tfal, lill-ħaddiema, lill-persuni b’diżabilità u lill-persuni vulnerabbli b’titjib akbar fis-servizzi soċjali kif ukoll b’miżuri ħalli jogħla d-dħul tagħhom. B’hekk pajjiżna jkompli l-ġlieda tiegħu biex jitnaqqas dejjem aktar ir-riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali fostna kif ilu jsir mill-2013 ‘l hawn. 

​​

Font Resize