Stqarrija mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal: Jingħataw il-warrant aktar minn 70 counsellor
Numru ta’ Referenza PR211765
Aktar minn 70 counsellor ingħataw il-warrant sabiex jibdew jipprattikaw il-professjoni tal-counselling, liema professjoni ġiet rikonoxxuta fl-aħħar snin, wara bidliet fil-liġi li saru fi ħdan il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal.
Il-Ministru Michael Falzon ippreżenta dawn iċ-ċertifikati f’ċerimonja ta’ gradwazzjoni, li fiha nsista dwar l-importanza li nsaħħu kull professjoni marbuta mas-saħħa mentali u l-ħarsien soċjali.
“Huwa kruċjali li nibqgħu flimkien niġbdu ħabel wieħed u nieħdu approċċ multidixxiplinarju, anke bejnietna l-professjonisti, kemm il-counsellors, psychotherapists u anke psikologi. Dan filwaqt illi naraw li l-klijent ikun dejjem fiċ-ċentru ta’ kull għajnuna.”
Il-Ministru Michael Falzon insista dwar l-importanza li l-professjonisti jingħataw l-ispazju u l-awtonomija neċessarja, sabiex ikunu jistgħu jipprattikaw il-professjoni tagħhom.
Waqt l-istess ċerimonja ta’ gradwazzjoni, ħarġet b’mod ċar l-importanza tal-għajnuna psikoloġika, hekk kif qed ikunu reġistrati aktar każijiet b’rabta ma’ saħħa mentali, u dan ħareġ iktar evidenti waqt il-pandemija, li affetwat lis-soċjetà kollha.