Logo
Logo
  • MT
  • English

Stqarrija mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal: Firxa ta’ servizzi għal persuni vulnerabbli : Investiment ta’ €835,000 mill-gvern

07.09.2021 | Stqarrija

Numru ta’ Referenza: PR211623

“F’dawn l-aħħar tmien snin investejna miljuni t’ewro sabiex intejbu l-livell mogħti f’residenzi li jservu ta’ xelter, jew li nkella jipprovdu ikel għal persuni fil-bżonn. Għalkemm wettaqna ħafna, se nkomplu nsaħħu r-riżorsi meħtieġa biex niżguraw li ħadd ma jaqa’ lura”, qal il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon waqt żjara li għamel f’Dar Papa Franġisku.

Waqt din l-istess żjara li saret mill-Ministru Michael Falzon, kien ippreżentat r-rapport annwali li sar minn din ir-residenza, li osserva x-xejriet ta’ kemm persuni għamlu użu minn dawn is-servizzi. Mir-riżultati joħroġ li n-numru ta’ persuni li raqdu fix-xelters ta’ Dar Papa Franġisku naqas fis-sena 2020, meta mqabbel mas-sena 2018 u 2019. Fost oħrajn joħroġ ukoll li l-maġġoranza ta’ dawk li jmorru għall-ikel u anke jorqdu huma rġiel.

Il-Ministru Michael Falzon appella sabiex qatt ma niġġudikaw, u minflok nkunu ta’ spalla sabiex ngħinu lil dawk fil-bżonn. Il-Ministru Falzon qal li din is-sena il-Ministeru Soċjali allokka s-somma ta’ €835,000, lil Dar Papa Franġisku sabiex jiggarantixxi l-finanzi meħtieġa fit-tmexxija ta’ dawn ir-residenzi. Numru ta’ residenti li temmew il-programm tal-Fondazzjoni Reach kisbu diploma mill-Università, xtraw dar ġdida, u kisbu xogħol permanenti, fost stejjer oħra ta’ suċċess fit-tul.

Intant, il-gvern jiffinanzja aktar minn 18-il miljun ewro fis-sena sabiex jassisti numru ta’ NGOs li jwettqu ħidma ma’ persuni vulnerabbli. L-għan aħħari ikun dak li persuni li ġew għall-għajnuna ikollhom aċċess għal għajnuna u sapport sabiex huma jerġgħu jintegraw lura fis-soċjetà.

 

Font Resize