Logo
Logo
  • MT
  • English

Stqarrija mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal: Il-gvern se jiffinanzja ċentru għall-adoloxxenti bi sfidi ta’ droga

11.08.2021 | Stqarrija

Numru ta’ Referenza: PR211512

Il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal se jkun qed jiffinanzja t-tmexxija taċ-Ċentru tal-Ibwar, li se jkun qed jilqa’ adoloxxenti bi sfidi ta’ droga. Dan se jkun ċentru tal-ewwel tip tiegħu f’Malta, bi standards għoljin ħafna, simili għal dawk offruti fl-Ingilterra, l-Istati Uniti u l-Iżrael, bid-differenza li f’Malta dan is-servizz se jkun offrut bla ħlas.

Dawn id-dettalji tħabbru mill-Ministru Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet f’tal-Ibwar, fil-preżenza tat-tmexxija tal-Caritas, li se jkunu qed imexxu dan il-proġett.

Il-gvern iffirma ftehim soċjali għat-tliet snin li ġejjin, b’investiment t’aktar minn €3 miljuni, filwaqt li ntefqu mal-€4 miljuni oħra sabiex ittella’ l-bini u jkun attrezzat bl-aħjar riżorsi possibbli.

Flimkien mal-Caritas, il-gvern se jkun qed jara li żgħażagħ b’dawn it-tip ta’ sfidi jingħataw assistenza u għodod bizzejjed sabiex jibdlu d-direzzjoni ta’ ħajjithom.

Dan iċ-ċentru terapewtiku mhux biss se jkun qed jgħin b’mod psikoloġiku, psikosoċjali u edukattiv, iżda fuq kollox huwa mmirat li jipprovdi ħajja indipendenti mid-droga.

Il-gvern daħal għal dan l-investiment massiċċ u bena dan iċ-ċentru sabiex jitħaddem bl-aqwa standards, skont anke l-pariri t’esperti barranin fil-qasam, li taw gwida matul il-proċess kollu. B’kollox hemm 14-il sodda, kif ukoll day programmes, għal massimu t’10 adoloxxenti li mhux neċessarjament jorqdu fir-residenza.

“Dan il-Gvern se jkompli jinvesti fejn hemm bżonn, anke jekk dan huwa servizz li ma jolqotx numru kbir ta’ persuni, dan huwa eżempju ċar ta’ kif nistgħu verament ngħixu f’soċjetà inklussiva li taħseb f’kulħadd. Kulħadd jixraqlu jingħata t-tieni ċans sabiex jirriforma ruħu”, stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Min-naħa tiegħu d-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt qal li matul l-aħħar ħames snin saru x-xogħlijiet meħtieġa, kemm fejn tidħol infrastruttura kif ukoll preparamenti biex jingħataw l-aqwa programmi skond il-ħtiġijiet tal-adoloxxenti.

Font Resize