Logo
Logo
  • MT
  • English

Stqarrija mill-Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija, mill-Ministeru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, mill-Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli u mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d Drittijiet tat-Tfal

13.07.2021 | Stqarrija

Numru ta’ Referenza: PR211331

Viżjoni ekonomika li tħares lejn titjib tal-pagi tal-ħaddiema u investimenti fit-teknoloġija bħala parti mill-bilanċ bejn tkabbir sostenibbli u kwalità ta’ ħajja aħjar għall-10 snin illi ġejjin 

It-tkabbir ekonomiku jrid ikun wieħed sostenibbli li jipproteġi l-industriji tradizzjonali, jattira niċeċ ġodda u jassigura  kwalità ta’ ħajja għolja għall-familji Maltin u Għawdxin tal-lum u t’għada. Dan kien il-messaġġ tal-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri waqt wieħed minn sensiela ta’ seminars ta’ konsultazzjoni pubblika li qed jiddiskutu kull wieħed mill-ħames pilastri deskritti fid-dokument tal-Viżjoni Ekonomika 2021-2031 għal Malta. 

Is-sessjoni, organizzata mill-MIMCOL, indirizzat l-ewwel pilastru: tkabbir ekonomiku sostenibbli lejn titjib tal-kwalità tal-ħajja sal-2031, bil-parteċipazzjoni tal-Ministru għall-Ugwaljanza, Riċerka u Innovazzjoni Owen Bonnici, il-Ministru għall-Enerġija, Intrapriża u Żvilupp Sostenibbli Miriam Dalli u l-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon. Ipparteċipaw ukoll diversi partijiet li ġejjin minn entitajiet governattivi, entitajiet privati u organizzazzjonijiet mhux governattivi. 

“L-ekonomija li aħna rridu nġeddu hija waħda li tagħmel użu massimu, kemm mir-riżorsi tagħna li jagħtuna vantaġġ kompetittiv, bħall-klima, ir-riżorsi umani u l-industriji stabbiliti fil-pajjiż. Dan għandu jwassal għal iżjed titjib fil-pagi tal-ħaddiema u investimenti fit-teknoloġija bħala parti mill-bilanċ bejn tkabbir sostenibbli u kwalità ta’ ħajja aħjar, għall-10 snin li ġejjin,” sostna l-Ministru Schembri. Semma kif b’mod konkret id-dokument jipproponi użu  massimu tas-settur tad-diving, esplorazzjoni ta’ niċċa ġdida ta’ marine biotechnology, li huwa settur stmat li jiswa iżjed minn 5 biljun dollaru fis-sena. Qal ukoll li l-Gvern qed jara li jutilizza s-settur mediku f’Malta li huwa meqjus bħala wieħed tal-ogħla kwalità mill-Unjoni Ewropea, sabiex jiġi attirat it-turiżmu mediku, li jinkludi s-settur tal-prodotti kosmetiċi. 

Il-Ministru qal ukoll li determinat li jbiddel perċezzjonijiet li jistgħu jkunu negattivi, bħalma hija ċ-ċokon ta’ Malta, f’opportunitajiet, billi ssir espansjoni f’iktar riċerka ma’ kumpaniji barranin fil-qasam diġitali u teknoloġiji sostenibbli. Dan sabiex pajjiżna iservi ta’ post ta’ riċerka għal setturi bħal-autonomous drivingbħalma diġà jsir fil-Greċja u Ċipru.  Qal li qed ifittex ukoll li juża s-servizzi tant avvanzati li jeżistu fis-settur finanzjarju fost oħrajn, sabiex pajjiżna jkun minn ta’ quddiem fis-settur tar-reġistrazzjoni tas-satelliti, kif ukoll li naraw li Malta tkun ċentru internazzjonali tal-arbitraġġ. 

“Dan ma jfissirx li ninsew in-niċeċ tradizzjonali tagħna, iżda jeħtieġ li nkunu proattivi biżżejjed sabiex fejn hemm bżonn investment bħal m’huwa fil-manifattura avvanzata naraw li r-riżorsi, kemm f’teknoloġija kif ukoll f’ħiliet huma mrawwmin,” temm jgħid il-Ministru Schembri. 

Il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon, qal li dan huwa gvern wieħed li jħares b’mod ħolistiku l-aqwa interess tal-familji u n-negozji. Semma kif inkisbu ħafna tragwardi soċjali fl-aħħar tmien snin, speċjalment fejn jidħol it-tnaqqis tal-faqar u l-esklużjoni soċjali. Tkellem dwar iż-żieda kbira li kien hemm fil-benefiċċji soċjali, tant li matul is-sena 2020, saret nefqa rekord ta’ ‘l fuq minn biljun ewro fuq benefiċċji soċjali biss. “Dan kollu jimlina b’kuraġġ sabiex nibnu viżjoni soċjo-ekonomika għas-snin illi ġejjin, sabiex ikollna ekonomija reżiljenti li sservi lin-nies u li tgħin biex kulħadd igawdi minn kwalità ta’ ħajja aħjar,” temm jgħid il-Ministru Michael Falzon. 

Il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli qalet li rridu nkomplu naħdmu favur ekonomija b’saħħitha li tħares lejn is-sostenibilità ambjentali u l-kwalità tal-ħajja ta’ kullħadd. “Qed nagħmlu dan permezz ta’ numru t’inċentivi u skemi varji li bihom mhux biss qed ngħinu lill-kumpaniji tagħna bħalissa, imma biex insostnuhom ‘il quddiem. Qed naħdmu biex ngħinu l-kumpaniji jagħmlu l-qabża diġitali u jkunu sostenibbli. B’dan il-mod irridu nassiguraw irkupru, kwalità ta’ ħajja aħjar u impjiegi ta’ kwalità,” sostniet il-Ministru Dalli. 

Il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici qal li l-istrateġija nazzjonali għal wara l-pandemija hija sforz ta’ Gvern sħiħ li qed joffri viżjoni mibnija fuq 149 inizjattiva għal Malta t’għada f’dinja mibdula minħabba l-pandemija. Il-Ministru Bonnici spjega li l-Viżjoni Ekonomika minn naħa tagħha tidħol f’iktar dettall fuq kif pajjiżna se jilħaq il-miri ekonomiċi tiegħu fil-ġenerazzjoni li jmiss. Hu qal li pajjiżna għandu tliet opportunitajiet li jrid jirbaħ fis-snin li ġejjin: ċioè li nsaħħu l-ħiliet fil-workforce tal-lum u t’għada, li negħlbu l-isfidi ambjentali partikolarment dawk marbuta mal-mira ta’ zero carbon economy, u finalment li tinbena ekosistema robusta t’innovazzjoni f’pajjiżna. Fuq l-aħħar punt huwa qal li jemmen ħafna fit-talent tar-riċerkaturi Maltin u f’pajjiżna bħala post fejn r-riċerka u l-innovazzjoni jieħdu l-ħajja. 

Id-dokument tal-viżjoni ekonomika jenfasizza li sabiex Malta ssir future-proof fis-settur tat-tkabbir ekonomiku sostenibbli lejn titjib tal-kwalità tal-ħajja sal-2031, għandhom jiġu implimentati diversi miżuri, fosthom: 

• Definizzjoni mill-ġdid ta’ miżuri meqjusa ta’ suċċess 

• Sostenn u appoġġ lill-investiment bħala mutur ekonomiku ewlieni 

• Il-ħarsien u t-titjib tal-kompetittività 

• Titjib fil-produttività permezz tad-diġital channels 

• Tisħiħ tas-setturi ekonomiċi u l-iżvilupp ta’ niċeċ ġodda 

Dawk kollha interessati li jipparteċipaw fil-proċess ta’ konsultazzjoni nazzjonali jistgħu jżuru https://economicvision.mimcol.com.mt/ biex jissottomettu l-kummenti tagħhom. 

Il-proċess ta’ konsultazzjoni se jibqa’ miftuħ sal-31 ta’ Lulju 2021.​

​​

Font Resize