Stqarrija mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal: Ftehim ta’ €4 miljun mal-Fondazzjoni Sebħ
Numru ta’ Referenza: PR211318
Il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal issiġilla ftehim soċjali ieħor mal-Fondazzjoni Sebħ li jlaħħaq l-erba’ miljun ewro fuq medda ta’ tliet snin. Dan huwa wieħed mill-ikbar ftehimiet soċjali li għandu dan il-ministeru u li se jkun qed jiffinanzja iktar investiment fis-settur tat-tfal.
Il-ftehim soċjali se jkun qed jiżgura l-finanzjament ta’ madwar 40 sodda f’residenzi tat-tfal, immexxija mill-Fondazzjoni Sebħ. Din il-fondazzjoni tmexxi numru ta’ residenzi tat-tfal mifruxa ma’ Malta li jinkludu Dar Fra Diego u Dar San Nikola fil-Ħamrun, Sagra Familja f’Ħaż-Żabbar u Dar Santa Tereża fiż-Żurrieq.
Dan l-iffirmar sar fir-residenza tat-tfal Fra Diego fil-Ħamrun, waqt żjara mill-Ministru Michael Falzon li qal li l-gvern qed ikompli jinvesti kontinwament f’servizzi speċjalizzati bħal dawn għax jemmen li kull tifel u tifla jixraqilhom ħajja diċenti u mimlija opportunitajiet pożittivi.
Dawn ir-residenzi jilqgħu tfal li jkollhom ordni ta’ ħarsien mill-Istat u li ma jkunux jistgħu jibqgħu jgħixu mal-ġenituri bijoloġiċi tagħhom. Il-ministru qal, “Kuntent li għandna residenzi bħal dawn li verament jagħtu valur, imħabba u rispett lil dawn it-tfal”.
Residenzi bħal dawn jipprovdu ambjent sigur u jippromovu ħiliet, żvilupp emozzjonali u reżiljenza. Fl-istess waqt dawn ir-residenzi jżommu kuntatt kontinwu mal-familjari ta’ dawn it-tfal fejn possibbli.
“Mingħajr ma nneħħi l-mertu tax-xogħol li qed iwettqu dawn ir-residenzi, nibqa’ nenfasizza l-importanza li dawn it-tfal eventwalment jingħaqdu ma’ familji. Hemmhekk jgħixu l-ispirtu u l-imħabba ta’ familja u jikbru f’adoloxxenti u f’adulti, bl-istess opportunitajiet li minnhom igawdi kulħadd”, ikkonkluda l-Ministru Michael Falzon.