Logo
Logo
  • MT
  • English

Stqarrija mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal: Viżjoni Soċjali għal Malta 2035: Insawru l-futur tas-soċjetà tagħna

05.07.2021 | Stqarrija

Numru ta’ Referenza: PR211272

Il-gvern beda jaħdem sabiex jibni l-viżjoni soċjali għall-futur, bit-tema: ‘Viżjoni Soċjali għal Malta 2035: Insawwru l-Futur tas-Soċjetà Tagħna’.

Ingħata bidu għall-proċess li bih se tkun qed tissawwar il-viżjoni għas-settur soċjali sas-sena 2035, mibnija fuq il-prinċipji tas-solidarjetà u l-ġustizzja soċjali. Din il-viżjoni se tkun qed tibni fuq il-ġid soċjali li sar fl-aħħar snin, filwaqt li tagħmel enfasi fuq diversi setturi u firxa wiesgħa ta nies, bħall-familji, it-tfal, iż-żgħażagħ, l-anzjani, dawk f’riskju ta’ faqar, il-persuni b’diżabilità, dawk bi problemi ta’ dipendenzi, u persuni LGBTIQ+, fost oħrajn.

Ħabbar dan il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon waqt konferenza li tat bidu għal sensiela ta’ konferenzi matul din il-ġimgħa li se jitrattaw temi relatati.

Il-Ministru Michael Falzon qal li l-bniedem huwa mwieled biex jissoċjalizza u jgħix f’komunità u soċjetà.

“Għalhekk il-bżonn li kulħadd jgħix ħajja xierqa, b’dinjità u li fuq kollox persuna tkun kapaċi tilħaq il-potenzjal tagħha, anke jekk tinsab f’realtajiet soċjali diffiċli. Irridu nirrikonoxxu li hawn nies b’kapaċitajiet differenti, u importanti li jkollok lil xi ħadd li jara li dawk li għandhom bżonn, jiġu mwieżna”, stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Il-ministru tkellem ukoll dwar l-enfasi kbira li saret tul l-aħħar tmien snin sabiex tingħata kwalità ta’ ħajja aħjar. Dan sar permezz ta’ tisħiħ fil-pensjonijiet, f’benefiċċji soċjali, u miżuri oħra li jippremjaw il-bżulija u oħrajn li jinċentivaw aktar nies fid-dinja tax-xogħol, fost oħrajn. Dan kollu wassal għal anqas nies f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali, filwaqt li ffaċilita l-mobilità soċjali.

Din il-viżjoni se tipprovdi d-direzzjoni meħtieġa u se tkun il-pedament u l-bażi għall-iżvilupp ta’diversi strateġiji fil-qasam soċjali futur. Se jingħata bidu għall-konsultazzjoni mal-partijiet interessati kollha, li b’xi mod jew ieħor jaħdmu f’dan il-qasam. Dan l-eżerċizzju mhux qed isir biss sabiex tingħata kwalità ta’ ħajja aħjar, iżda sabiex ukoll jiġu indirizzati l-isfidi ta’ ċerti gruppi vulnerabbli, li minkejja t-titjib kbir li sar, jeħtieġ li tingħatalhom aktar attenzjoni speċifika.​​

Font Resize