Logo
Logo
  • MT
  • English

Stqarrija mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal u l-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza: Gvern għan-Nies: Liġijiet li jkomplu jipproteġu lill-minuri – jiżdied il-perjodu preskrittiv

28.06.2021 | Stqarrija

Numru ta’ Referenza: PR211232

Fil-ġimgħat li ġejjin se tidħol fis-seħħ riforma li temenda l-liġi dwar ir-reati sesswali. Dan tħabbar mill-Ministru Michael Falzon flimkien mal-Ministru Zammit Lewis waqt konferenza stampa.

Huma ħabbru numru ta’ emendi, fosthom:

  • ​Bidla fil-preskrizzjoni. B’hekk, meta persuna tisfa vittma ta’ abbuż u tkun għadha taħt l-età, issa se tkun tista’ tirrapporta dak ir-reat sa għoxrin sena wara li sar r-reat. Għalhekk, il-perjodu preskrittiv jibda mal-mument li l-vittma tagħlaq tlieta u għoxrin sena (23).
  • Kjarifiki fil-Kodiċi Kriminali fejn jidħlu r-reati sesswali, kif ukoll emendi importanti ta’ proċedura fil-Qorti tal-Minorenni.
  • Se jsir tibdil ukoll f’każijiet ta’ ‘abduction’ jew ħtief ta’ minorenni, li jinkludu sitwazzjonijiet fejn xi ġenitur jew persuna oħra titlaq bit-tifla jew tifel barra l-pajjiż, mingħajr il-kunsens tal-parti l-oħra li għandu/għandha kura tat-tfal.
  • Kull min jitlaq minn Malta jew iżomm minuri  barra minn Malta bi ksur ta’ ordni ta’ qorti Maltija, jew bi ksur ta’ ordni ta’ ħarsien maħruġa minn awtorità kompetenti, jeħel piena ta’ massimu ta’ 13-il sena priġunerija.
  • F’każijiet fejn ikun hemm rapport ta’ attività sesswali bejn il-bniedem u annimal, issa se jkun introdott ir-reat ta’ moħqrija lill-annimali fil-liġi dwar it-trattament xieraq tal-annimali.

    Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis spjega l-importanza ta’ dawn l-emendi, li jagħtu ċertu diskrezzjoni lill-Qrati. Fid-diskors tiegħu, huwa kompla jenfasizza kemm dawn l-emendi huma importanti għas-soċjetà, dan fl-isfond tar-realtajiet attwali. “Inkompli ntenni li dawn l-emendi li se jiġu proposti fil-Parlament se jkomplu jipproteġu l-minuri, li huma, bħall-anzjani tagħna u nies oħra vulnerabbli, fiċ-ċentru tal-ħidma tagħna bħala gvern – dan huwa verament gvern għan-nies.”

    Il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon stqarr li dawn l-emendi legali se jkunu qed jagħtu aktar drittijiet u vuċi lill-persuni minorenni.  Huwa tenna li dawn il-bidliet proposti kienu frott ta’ konsultazzjoni wiesgħa ma’ kull min jaħdem fil-qasam tal-minuri u tal-protezzjoni tat-tfal.​​