Stqarrija mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal: Viċin li jinfetaħ iċ-ċentru ta’ rijabilitazzjoni għall-adolexxenti f’Tal-Ibwar

26.06.2021 | Stqarrija

Numru ta’ Referenza: PR211221

Fi ftit ġimgħat oħra, se jkun qed jiftaħ il-bibien tiegħu ċ-Ċentru ta’ Rijabilitazzjoni mid-Droga għall-adolexxenti f’Tal-Ibwar. Dan se jkun l-ewwel ċentru tat-tip tiegħu fil-pajjiż, u se jilqa’ ‘l fuq minn 20 persuna. Dan iċ-ċentru se jkun qed jitmexxa mill-Caritas u huwa ffinanzjat mill-gvern, b’investiment li jlaħħaq l-€4 miljun, u miljun ewro oħra fis-sena. 

Iċ-ċentru se jkun qed iservi kemm għal ġuvintur kif ukoll tfajliet, u se jkun ta’ alternattiva għall-faċilità korrettiva taż-żgħażagħ (CORRS), kif ukoll għall-isptar Monte Karmeli. Dawn is-servizzi se jkunu qed jaħdmu 24 siegħa kuljum, b’direzzjoni minn numru ta’ professjonisti. 

Bi tħejjija għall-ftuħ ta’ dan iċ-ċentru, il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon għamel żjara lit-tmexxija tal-Caritas, f’residenza oħra f’Birkirkara li qed tilqa’ adolexxenti bi problema ta’ droga. Din iż-żjara saret nhar is-Sibt, 26 ta’ Ġunju, li huwa wkoll il-Jum Internazzjonali kontra l-abbuż mid-droga. 

Il-Ministru Michael Falzon qal li l-pajjiż jemmen li kulħadd għandu d-dritt għat-tieni ċans, speċjalment dawk l-adolexxenti vittmi tad-droga. Il-Ministru Michael Falzon sostna li l-professjonisti li se jħaddmu dan il-programm ingħataw taħriġ speċjalizzat barra mill-pajjiż, sabiex joffru l-aqwa modi ta’ rijabilitazzjoni lil dawn iż-żgħażagħ. 

Il-programm offrut huwa mifrux fuq sena u għandu l-għan li jibni mill-ġdid u jagħti struttura lil dawn l-adolexxenti, u jgħinhom jifhmu aħjar x’wassalhom għal dawn il-vizzji. Il-pass li jmiss ikun dak li ż-żgħażagħ ikunu integrati mill-ġdid fis-soċjetà. 

Il-koordinatur tal-programm f’Tal-Ibwar, Dr Daniel Mercieca, qal li, permezz ta’ dan il-programm, se tkun indirizzata l-għeruq tal-problema, bl-għan li tgħin liż-żgħażagħ jieħdu l-aqwa deċiżjonijiet għall-ħajja tagħhom. Spjega kif dan se jkun ċentru innovattiv b’faċilitajiet moderni, speċjalment dawk sportivi, akkademiċi u ta’ snajja. Dawn l-attivitajiet u faċilitajiet għandhom l-għan li joħolqu ‘a natural high’, mingħajr il-bżonn tat-teħid tad-droga.​

Font Resize