Stqarrija mill-Ministeru għall-Ekonomiija u l-Industrija, mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja, u d-Drittijiet tat-Tfal u mill-Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva
Numru ta’ Referenza: PR211209
Anzjani residenti fi djar tal-anzjani privati u pubbliċi se jirċievu l-€100 voucher bħala kontribuzzjoni diretta dan ix-xahar
Aktar minn 5,000 anzjan b’investiment ta’ €500,000
Nhar is-Sibt 26 ta’ Ġunju l-anzjani li joqgħodu fid-djar tal-anzjani se jkunu qed jirċievu l-€100 voucher tal-Gvern f’kontribuzzjoni diretta.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri meta ta dettalji dwar kif se tkun qed titħaddem is-sistema, akkumpanjat mill-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon u l-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia.
“5,158 anzjan se jirċievu din il-€100 kontribuzzjoni diretta u b’hekk qed ngħinu lil dawn il-persuni b’aktar minn nofs miljun ewro għall-bżonnijiet tagħhom. Wara li kkonsultajna aktar dwar din l-iskema tal-vouchers u wara r-rispons li rċevejna ddeċiedejna li flok nagħtu voucher lil anzjani li joqgħodu fi djar residenzjali ddeċidejna li mmorru għal dan il-metodu għax nifhmu li l-anzjani li joqgħodu fi djar residenzjali jkollhom ċertu bżonnijiet tagħhom, anke fl-isfond tar-restrizzjonijiet. Allura mhux bilfors ikunu jistgħu jagħmlu użu mill-vouchers li qed jitqassmu bħalissa lil dawk kollha li kellhom ‘il fuq minn 16-il sena sal-aħħar ta’ 21 ta’ April. Għalhekk, dawn il-€100, l-anzjani se jkunu qed jirċevuhom bl-istess mod li jirċievu l-pensjoni tagħhom, jiġifieri jew dirett fil-kont bankarju, jew permezz ta’ ċekk fil-posta, filwaqt li fiż-żewġ metodi se jaraw miktub government voucher” qal Schembri.
Il-Ministru Schembri ta wkoll aġġornament dwar l-andament tal-użu tal-vouchers. ‘Qed jiżdied sew ir-ritmu tal-użu tal-vouchers tant li sal-lum diġà ntefqu mat-€3 miljun. Dan fl-istess waqt li għaddej ġmielu it-tqassim tal-vouchers stampati bil-posta rreġistrata tant li sal-lum se jkun tqassmu l-vouchers lil aktar minn 140,000 persuna f’Malta u Għawdex’ qal il-Ministru Schembri.
Hu rringrazzja l-koordinament li sar min-naħa tal-Ministeru għall-Familja u dak tal-Anzjanità Attiva, fosthom is-Social Care Standards Authority biex issa dawk l-anzjani li joqgħodu f’residential care home tal-Gvern u dawk privati se jkunu qed jirċievu din il-kontribuzzjoni diretta.
Il-Ministru Michael Falzon stqarr illi dan huwa eżerċizzju ieħor li jikkonferma r-ruħ soċjali ta’ dan il-Gvern. Il-Ministru Falzon qal li l-Gvern ħa d-deċiżjoni sabiex min jinsab f’xi istituzzjoni tal-anzjani jieħu l-mitt ewro bħala pagament separat, u li se jintbgħat nhar is-Sibt 26 ta’ Gunju li ġej.
Dan il-pagament se jintbgħat fl-istess account number fejn tidħol il-pensjoni, u min m’għandux IBAN se joħroġ bħala ċekk separat. Skont l-informazzjoni miġbura sal-aħħar ta’ Mejju, li din kienet ukoll il-cut-off date, se jkun hemm 5,086 persuna li se jirċievu dan il-pagament separat—pagamenti li jlaħħqu €508,600.
4,530 persuna se jkunu qed jitħallsu b’direct credit filwaqt li 556 se jitħallsu permezz ta’ ċekk. Kien hemm wħud mill-anzjani li kienu se jaqgħu taht din il-kategorija, iżda laħqu niżlu l-app tal-vouchers. B’kollox hemm 84 persuna, li laħqu niżlu l-APP u għalhekk se jkunu qed jagħmlu użu minn dan il-voucher u mhux se jingħatalhom pagament separat.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Michael Farrugia qal li b’rizultat tad-deċizjonijiet li ttieħdu matul il-pandemija, fejn l-anzjani kienu l-ewwel sezzjoni tal-popolazzjoni li bdew jieħdu t-tilqima, illum qed nersqu dejjem eqreb lejn in-normalità.
“Irnexxielna llaqmu lill-anzjani kollha f’nofs iż-żmien li kien proġettat. Sal-ewwel ġimgħa ta’ Marzu, tlaqqmu l-anzjani kollha u l-ħaddiema li jaħdmu fid-djar kollha u f’San Vinċenz,” qal il-Ministru. Huwa ħabbar li jekk is-sitwazzjoni tibqa’ kif inhi, lejn it-tieni nofs ta’ Lulju, se jkunu tneħħew ir-restrizzjonijiet kollha fid-djar tal-anzjani.
“Tmien ġimgħat bla ebda każ juri li l-passi li ħadna kienu maħdumin bil-għaqal u nistgħu nħabbru wkoll li qed nippjanaw il-passi li jmiss,” żied jgħid il-Ministru.
Huwa qal li 96% tal-ħaddiema u iktar minn 99% tal-anzjani residenti f’San Vinċenz huma mlaqqmin. Fid-djar tal-anzjani, kemm tal-gvern, tal-knisja u tal-privat, tlaqqmu kważi 98% tal-anzjani u kważi 94% tal-istaff.