Logo
Logo
  • MT
  • English

Stqarrija mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal: Aktar servizzi speċjalizzati għal żgħażagħ bi problemi ta’ vizzji

23.06.2021 | Stqarrija

Numru ta’ Referenza: PR211196

Iktar minn 600 żagħzugħ u żagħżugħa li jagħmlu użu mis-servizzi mogħtija mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) issa se jkunu qed jiġu offruti aktar servizzi speċjalizzati biex jiġu indirizzati l-isfidi tagħhom b’mod ħolistiku. 

Dawn is-servizzi jinkludu l-Youth in Focus, l-Achieve u l-Adolescent Day Programme, immirati biex dawn iż-żagħżagħ li jfittxu l-għajnuna minħabba l-vizzju tad-droga jsibu l-appoġġ u s-sostenn mingħand il-professjonisti. 

Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet organizzata mill-FSWS ftit jiem qabel is-26 ta’ Ġunju, il-jum li jfakkar il-Jum Internazzjonali kontra d-Droga u l-Abbuż mis-Sustanzi. 

Il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon stqarr li jeħtieġ li nirrikonoxxu li d-droga mhijiex is-soluzzjoni tad-diffikultajiet tal-ħajja imma hija l-problema. Qal li jkun żball kbir jekk nikkundannaw lil dawn iż-żgħażagħ li qed jabbużaw mid-droga. Minflok għandna nkunu hemm biex ngħinuhom jiksbu l-ħiliet li għandhom bżonn. 

Il-Ministru Michael Falzon qal li matul din is-sena ġew investiti ma’ €2,330,000 fuq servizzi ffukati biss fuq l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ. “Irridu nifhmu għaliex qed tintuża dik is-sustanza, u jekk hux qed isservi sabiex tikkumpensa għal affarijiet oħra neqsin. Għalhekk il-bżonn li noħorġu jdejna, u nagħtu sinjal ta’ kuraġġ, li anke s-soċjetà kollha trid tifhem”, stqarr il-Ministru Michael Falzon. 

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti esiġa l-bżonn ta’ pjan speċjalizzat minn ħaddiema mħarrġa biex jaħdmu maż-żgħażagħ u enfasiżża li dawn iż-żgħażagħ għandhom dritt għad-dinjità u li jgħixu ħajjithom ħielsa mix-xorb u d-droga. 

Is-servizzi offruti mill-FSWS, għal dan il-qasam, huma mmexxija mid-Direttorat Kura Alternattiva, li mhux biss jgħin fil-preżent iżda anke jipprovdi pjan ta’ kura sussegwenti wara t-18-il sena.​​