Stqarrija mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal: Is-servizzi kollha tat-tfal u żgħażagħ taħt ħarsien alternattiv miġbura taħt saqaf wieħed
Numru ta’ Referenza: PR211161
B’investiment ta’ aktar minn €2 miljun, id-Direttorat iffukat fuq il-Kura Alternattiva tat-tfal u ż-żgħażagħ fi ħdan l-FSWS qed jibni binja f’Santa Venera li taħt saqaf wieħed se tiġbor is-servizzi tal-fostering, tal-adozzjonijiet, tal-looked after children, servizz ta’ aċċess b’superviżjoni, kura medika mill-konsulent pedjatriku tad-Direttorat u infermiera speċjalizzati, is-servizzi għaż-żgħażagħ f’kura alternattiva u aftercare, kif ukoll is-servizz soċjolegali tad-Direttorat.
Il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon, il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti, flimkien ma’ numru ta’ professjonisti oħra fis-settur, żaru din il-binja li diġà tinsab fi stat avvanzat. Dan bħala parti mill-kampanja ‘Gvern għan-Nies’, b’dan il-proġett se jkompli jqarreb is-servizzi soċjali lejn il-komunità. Il-Ministru Michael Falzon spjega kif dan il-gvern kien għamel wegħda elettorali fl-2013, li jwaqqaf aġenzija tal-fostering u l-adozzjoni.
“Iżda mhux biss għamilna dan, waqqafna Direttorat iffukat fuq il-kura alternattiva tat-tfal u żgħażagħ li, permezz ta’ din il-binja, issa se jkun qiegħed jopera minn binja waħda.”
Il-binja l-ġdida se tfisser li l-familji se jsibu kollox f’post wieħed, fost oħrajn kmamar fejn isiru visti b’superviżjoni, kmamar li huma kollha maħsuba skond il-bżonnijjiet tat-tfal. F’din il-binja, se jkunu qegħdin joffru s-servizzi tagħhom madwar 200 impjegat tad-Direttorat.
Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti qal li huwa pjanat li din il-binja tibda topera minn Ġunju tal-2022.
“Il-bini, minbarra li huwa modern, huwa mibni skont l-ogħla standards tal-health and safety, u hu aċċessibbli għal kulħadd. Binja li fuq kollox se tkun qed isservi lil tfal taħt kura alternattiva, żgħażagħ u familji fil-bżonn sabiex jibnu aspirazzjonijiet pożittivi għall-futur.”