Logo
Logo
  • MT
  • English

Stqarrija mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal: Imniedi proġett ieħor ta’ BeSmartOnline

17.06.2021 | Stqarrija

Numru ta’ Referenza: PR211154

​L-użu tat-teknoloġija u l-għarfien dwar ir-riskji li jiġu magħha huma l-qofol ta’ proġett bl-isem BeSmartOnline, li għadha kif tnediet is-sitt edizzjoni tiegħu. L-għan tal-proġett huwa li permezz ta’ kampanji ta’ għarfien jipprevjeni abbuż onlajn fuq tfal, adoloxxenti u anke adulti. Dan se jkun qed isir ukoll permezz ta’ app ġdida li se tiżdied ma’ għodda oħra fil-ġlieda kontra l-abbuż virtwali.

Il-proġett ġab flimkien entitajiet diversi fosthom il-Fondazzjoni għas-Servizzi għall-Ħarsien Soċjali, l-FSWS, u l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal fi ħdan il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, id-Direttorat għall-Programmi ta’ Tagħlim u Assessjar fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u s-sezzjoni tas-Cybercrime Unit tal-Pulizija ta’ Malta fi ħdan il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi.

Il-Ministru Michael Falzon qal li l-għan prinċipali ta’ din il-kollaborazzjoni hu l-ħarsien tat-tfal mid-diffikultajiet li jista’ jġib miegħu l-użu tat-teknoloġija u l-għarfien lit-tfal u liż-żgħażagħ kif ukoll lill-ġenituri u lill-edukaturi dwar l-użu għaqli tat-teknoloġija u r-riskji li jistgħu jiltaqgħu magħhom.

Il-Ministru Falzon żied li fid-dinja li qed ngħixu fiha, nafu li anke minn età żgħira t-tfal qed ikunu mħeġġa jużaw it-teknoloġija, kemm għat-tagħlim kif ukoll bħala mezz ta’ komunikazzjoni u anke bħala divertiment. Din minnha nnifisha hija xi ħaġa pożittiva immens però nafu wkoll li hemm perikli u riskji li t-tfal jistgħu jiltaqgħu magħhom waqt li jesploraw id-dinja virtwali.

Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti spjega li dan il-proġett, permezz ta’ Safer Internet Centre, jaħdem kontinwament biex iqajjem għarfien u permezz tal-Helpline 179, joffri sapport lil dawk li jiltaqgħu ma’ abbuż online jew ikunu huma l-vittmi ta’ abbuż. Permezz ta’ dan il-proġett l-istudenti fl-iskejjel qed ikollhom lezzjonijiet waqt il-PSCD apposta relatati mal-użu tajjeb tat-teknoloġija u għarfien fuq x’għandhom jagħmlu jekk jiltaqgħu ma’ sitwazzjonijiet ta’ abbuż.