Logo
Logo
  • MT
  • English

Stqarrija mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal: 44 tifel u tifla jingħaqdu f’familja b’mod permanenti wara bidliet fil-liġi

20.05.2021 | Stqarrija

Numru ta’ Referenza: PR210947

44 tifel u tifla ngħataw permanenza f’familja, b’ordni tal-Qorti, sabiex minn issa ’l quddiem ikunu jistgħu jgħixu f’ambjent ta’ familja stabbli. Dawn huma tfal li kellhom ordni ta’ ħarsien, wara li jkun ġie stabbilit illi ma jistgħux jibqgħu jgħixu mal-ġenituri bijoloġiċi tagħhom għal diversi raġunijiet.

Dan huwa riżultat ta’ diversi emendi li wasslet il-Liġi tal-Protezzjoni tat-Tfal, u li daħlet fis-seħħ f’Lulju li għadda. Permezz ta’ bidliet fil-Liġi tal-Protezzjoni tat-Tfal, il-Qorti kellha d-dover li tiddeċiedi dwar il-futur tat-tfal, bl-għan li tagħti opportunitajiet ugwali lil kull tifel u tifla.

Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet organizzata mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, l-FSWS, bit-tema ewlenija tkun il-qasam tal-fostering, settur imfakkar fuq livell internazzjonali matul ix-xahar ta’ Mejju.

Il-Ministru Michael Falzon saħaq li l-gvern kommess li jkompli jagħmel id-differenza fil-ħajja tan-nies, anke jekk dawn huma fuq livell ta’ minoranza. Il-Ministru Michael Falzon qal li issa naqas iż-żmien tal-fostering, sabiex persuni li jkunu qed jiffosterjaw tifel jew tifla jkunu jistgħu jadottaw it-tfal wara ħames snin u, f’ċirkustanzi straordinarji, anke wara tliet snin. Sa ftit żmien ilu, koppja kellha tistenna sa mill-anqas għaxar snin.

Il-Ministru Michael Falzon irrefera għall-emendi li saru fil-Liġi tal-Protezzjoni tat-Tfal, sabiex tingħata mhux biss permanenza lit-tfal, iżda anke elementi ta’ stabbilità, bl-għan aħħari dejjem ikun fl-aqwa interessi tat-tfal. Fakkar kif l-għajnuna finanzjarja għal persuni li jidħlu għall-fostering telgħet minn €70 għal €110 fl-aħħar erba’ snin.

Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS is-Sur Alfred Grixti ħabbar helpline ġdid, bin-numru 1778, intiż għall-persuni li għandhom interess jibdew jiffosterjaw. Fil-preżent, il-Fondazzjoni tinsab f’kuntatt ma’ 270 familja li jiffosterjaw tfal, b’bagalja ta’ esperjenzi, bil-maġġoranza tal-każijiet jinvolvu esperjenzi delikati.

Id-Direttur għall-Kura Alternattiva Remenda Grech u l-konsulent legali Dr Andy Ellul esprimew l-importanza tal-Liġi tal-Protezzjoni tat-Tfal u kif din kienet emendata biex tilqa’ għar-realtajiet tal-ħajja. Din il-Liġi ħolqot żewġ direttorati differenti, wieħed għal-‘looked after children’ u ieħor li jikkonċerna ‘child protection services’. Kien spjegat li qed isir anke proċess ta’ ‘matching’ biex ikun iffaċilitat il-proċess tal-fostering.

Intant, matul l-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena, 42 koppja għamlu kuntatt mal-FSWS għaliex huma interessati li jiffosterjaw, filwaqt li s-sena l-oħra 50 koppja kienu f’kuntatt mal-FSWS għall-istess għan.​