Stqarrija mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal: Aktar minn miljun ewro għal ħidma fost vittmi ta’ vjolenza domestika
Numru ta’ Referenza: PR210880
Il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal ħabbar ftehim ta’ ‘l fuq minn miljun ewro mifrux fuq perjodu ta’ tliet snin mal-Fondazzjoni Sebħ. Din il-fondazzjoni tmexxi numru ta’ residenzi li jilqgħu nies vulnerabbli fosthom vittmi ta’ vjolenza domestika u tfal f’kura alternattiva.
Il-Ministru Michael Falzon faħħar il-mod li jitmexxew bih dawn ir-residenzi u rrefera għall-mod innovattiv tas-servizzi mogħtija li jkomplu jiffaċilitaw it-triq ta’ integrazzjoni mill-ġdid għal dawn il-persuni fis-soċjetà.
Il-Ministru Falzon qal li l-gvern u l-Knisja jaħdmu mill-qrib sabiex ikomplu jagħmlu l-ġid u jgħinu lil dawk l-aktar fil-bżonn. Fil-fatt, dan il-ministeru għandu għaxar ftehimiet ma’ entitajiet relatati mal-Knisja li l-maġġoranza tagħhom jinkludu residenzi tat-tfal, xelters għal persuni vittmi ta’ vjolenza domestika u oħrajn li jgħinu persuni vulnerabbli joħorġu minn dipendenzi, fost l-oħrajn.
Dan il-gvern jiffinanzja mas-6 miljun ewro fis-sena lil dawn l-entitajiet tal-Knisja li jinkludu għaqdiet mhux governattivi u fondazzjonijiet oħrajn.
Dan il-ftehim jassisti nisa u tfal bi programm residenzjali alternattiv li jkunu għaddew minn problemi ta’ vjolenza domestika, bit-tfal aktarx ikunu esperjenzaw żmien ikrah ukoll kawża ta’ abbuż.
Dan il-post se jkun qed iservi ta’ secondary shelter kif ukoll ta’ set-up semi-indipendenti biex finalment dawn il-familji jkunu jistgħu jmorru lura fis-soċjetà u jgħixu ħajja normali bħal kulħadd.