Logo
Logo
  • MT
  • English

Stqarrija mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal: Ftehim soċjali ta’ €900,000 għat-tmexxija ta’ żewġ residenzi tat-tfal u adoloxxenti

05.05.2021 | Stqarrija

Numru ta’ Referenza: PR210841

Il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal kompla jġedded ftehimiet soċjali eżistenti ma’ numru ta’ għaqdiet non-governattivi li jwettqu xogħol fil-komunità.

L-Erbgħa filgħodu tħabbar li l-Ministeru se jkun qed iġedded il-ftehim soċjali li għandu mas-Salesjani ta’ Dun Bosco illi jmexxu żewġ residenzi li jilqgħu adoloxxenti u żgħażagħ subien li ma jkunux jgħixu mal-ġenituri bioloġiċi tagħhom.

Dawn iż-żewġ residenzi, Osanna Pia u Dar Mamma Margherita, jilqgħu irġiel żgħażagħ t’età ta’ bejn is-16 u l-25 sena, li għal xi raġuni ma jkollhomx sapport mill-familja tagħhom. Dan il-ftehim se jagħmel disponnibli l-użu ta’ 19-il sodda.

Il-Ministru Michael Falzon qal li dan il-ftehim se jkun mifrux fuq medda ta’ tliet snin, b’finanzjament li jlaħħaq id-€900,000. Stqarr illi l-għan tagħna huwa li jinħoloq semi-independent living għal dawn iż-żgħażagħ biex mhux biss ikollhom saqaf iżda nagħtuhom id-dinjità li tixraqilhom, drittijiet daqs kull wieħed u waħda minnha.

Il-gwida u l-għajnuna mogħtija lil dawn iż-żgħażagħ ħafna drabi tissarraf fi stejjer ta’ suċċess, b’dawn iż-żgħażagħ jirnexxilhom jibnu karriera, jibnu relazzjonijiet pożitivvi u jgħixu ħajja indipendenti.

Il-Ministru Michael Falzon temm jgħid li l-Gvern se jkompli jinvesti f’oqsma bħal dawn, anke jekk ma jaffetwawx numru kbir ta’ persuni. Iktar minn hekk dan l-investiment ifisser żieda ta’ madwar 25% fuq il-ftehim soċjali preċedenti.