Stqarrija mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal: Jonqsu b’25,574 il-persuni mċaħħda materjalment severament
Numru ta’ Referenza: PR210781
L-għadd ta’ persuni mċaħħda materjalment severament niżel għal 3.3% tal-popolazzjoni f’Malta, fl-2020. Dawn il-persuni naqsu bi kważi 1,000 persuna mis-sena ta’ qabel. B’kollox, mill-2013 sas-sena 2020, dawn naqsu b’25,574 persuna meta dak iż-żmien ir-rata kienet ta’ 10.2%.
Dan ifisser li n-numru ta’ persuni imċaħħda materjalment severament illum huwa terz ta’ dak li kien hawn fl-2013, fi żmien l-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista. Fil-fatt, bejn l-2008 u l-2013, dawn kienu żdiedu b’27,000 persuna.
Min-naħa l-oħra, in-numru ta’ nies imċaħħda materjalment mill-2013 sal-2020 naqas bi 38,520 persuna. Dak iż-żmien kien hawn 19.9% tal-popolazzjoni mċaħħda materjalment waqt li fl-2020 dan niżel għal 8.7%, tnaqqis ta’ 12.2%. Dan minkejja li kien hemm żieda marġinali ta’ 0.3% bejn l-2019 u l-2020.
Dan kollu jfisser li waqt li fl-2013 wieħed minn kull ħamsa tal-popolazzjoni kien imċaħħad materjalment, illum hawn inqas minn wieħed minn kull għaxra tal-popolazzjoni li jħossuhom hekk. Bejn l-2008 u l-2013 dawn kienu żdiedu għal 30,000 persuna. Dan ifisser ukoll li fl-ewwel 7 snin tiegħu, il-gvern preżenti neħħa ż-żieda kollha li kien hemm fil-faqar bejn l-2008 u l-2013.
Ir-riżultati msemmija joħorġu minn statistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li nġabret wara stħarriġ fost kampjun ta’ madwar 4,000 familja li ntalbu jwieġbu 9 mistoqsijiet dwar kemm jistgħu jlaħħqu materjalment u soċjalment mal-ispejjeż tal-ħajja.
Persuni jkunu kkunsidrati severament imċaħħda jekk fit-tweġibiet tagħhom mill-anqas erbgħa jkunu fin-negattiv. Jekk it-tweġibiet fin-negattiv ikunu tlieta, jikklassifikaw mal-kategorija ta’ persuni mċaħħda materjalment.
Imqabbla mal-2019, fl-2020 kien hemm tnaqqis perċentwali fost dawk li setgħu waqgħu lura fil-ħlas ta’ kirjiet jew self fuq id-dar u fil-kontijiet tad-dawl u tal-ilma u fl-għadd ta’ persuni li ma jifilħux iżommu djarhom imsaħħna fix-xitwa. Min-naħa l-oħra żdiedu l-perċentwali ta’ persuni li ma jlaħħqux ma’ spejjeż li jfeġġu għall-għarrieda u ta’ dawk li ma jifilħux iħallsu btala ta’ ġimgħa lil hinn mid-dar.
Iżda meta wieħed iqabbel dawn il-figuri mal-2013, isib tnaqqis sostanzjali f’kull dimensjoni ta’ ċaħda materjali, minn tnaqqis ta’ 65,000 persuna li ma jaffordjawx vaganza ta’ ġimgħa u tnaqqis ta’ 63,000 persuna li ma jaffordjawx iħallsu l-kont tad-dawl għal tnaqqis ta’ 16,000 persuna li waqgħu lura fil-pagamenti fuq self jew fuq il-kirjiet u għal tnaqqis ta’ 13,000 persuna li ma jaffordjawx spiża għall-għarrieda.
Aspett ġdid li qed joħroġ mill-istatistika tal-NSO huwa dwar in-numru ta’ nies imċaħħda materjalment severament meta mqabbel mal-popolazzjoni. Dan juri li waqt li fl-2016 kien hemm 423,082 persuna li ma kinux f’ċaħda materjali severa, dawn żdiedu għal 488,378 fl-2020. Fi kliem ieħor, in-numru ta’ dawk li mhumiex imċaħħda materjalment severament żdiedu b’aktar minn 65,000 persuna fl-aħħar 4 snin li ċertament juri titjib sinjifikanti fil-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u tal-Għawdxin b’mod ġenerali.
Quddiem dawn il-figuri, il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon tenna li jirriżulta biċ-ċar u bil-fatti kemm tassew dan huwa gvern li mhux biss jemmen fil-ġustizzja soċjali iżda wkoll li jassigura li tingħata solidarjetà soċjali b’mod fattwali lil dawk li jkollhom l-aktar bżonn.