Stqarrija mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal: Insaħħu lill-ħaddiem: indirizzati l-inġustizzji tal-passat għall-ħames sena konsekuttiva
Numru ta’ Referenza: PR210779
“Din il-ġimgħa hija waħda ferm sinjifikattiva għal kull min jemmen fl-irwol tal-ħaddiema. Għalhekk huwa importanti li nfakkru Jum il-Ħaddiem, għaliex il-Gvern Laburista minn dejjem kellu għan wieħed, dak li jwettaq ġustizzja u solidarjetà soċjali, minn dejjem rajna kif nipproteġu lill-ħaddiema u kif immexxu ’l quddiem lill-pajjiż tagħna”, qal il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon nhar it-Tnejn filgħodu waqt li ħabbar kif il-gvern se jkun qed jerġa’ jindirizza l-inġustizzji tal-passat għall-ħames sena konsekuttiva.
Il-Ministru Michael Falzon qal li mhux biss nemmnu li nħarsu lill-ħaddiem, iżda iktar minn hekk nirrispettawh u naraw kif issir ġustizzja miegħu, anke jekk legalment ma kellna l-ebda obbligi li nagħmlu dan. Spjega li sena wara l-oħra matul l-aħħar ħames snin qed tinżamm il-wegħda elettorali li saret fl-2013 li jiġu indirizzati anomaliji u inġustizzji tal-imgħoddi. Il-proċess biex dan isir qed jitnieda b’sejħa ġdida għall-applikazzjonijiet mingħand eks membri tal-korpi mwaqqfa qabel l-1979, eks ħaddiema tax-xatt u gruppi oħra ta’ ħaddiema.
Huwa stmat li aktar minn 5,000 persuna se jkunu intitolati għal għotjiet li jitħallsu skont tliet skemi mfassla mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal u mill-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, bi qbil mal-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol. B’kollox ser jitħallsu bejniethom madwar €10 miljun.
Il-gvern qed iżomm kelmtu u ser joħroġ dawn il-pagamenti minkejja n-nefqa qawwija li tkattret bla mistenni fl-aħħar sena biex jingħelbu l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija tal-Covid-19 u jiġu megħjuna l-familji u n-negozji milquta.
Dawn l-iskemi se jkunu ppubblikati mit-Tlieta 27 ta’ April fil-Gazzetta tal-Gvern u jagħlqu fil-31 ta’ Lulju 2021.
L-applikazzjonijiet ser jintlaqgħu skont it-termini u l-kundizzjonijiet imfassla fi tliet skemi u li ser jixxandru fil-ħarġa li jmiss tal-Gazzetta tal-Gvern. Dawn jgħoddu għal:
- Persuni li daħlu fis-servizz pubbliku wara s-16 ta’ Jannar 1979 u li qabel din id-data għamlu xi żmien iservu f’dipartmenti tal-gvern iżda mhux bħala uffiċjali pubbliċi.
- Persuni li kienu
- impjegati f’xi korporazzjoni jew entità fis-settur pubbliku wara li għamlu xi żmien iservu f’wieħed mill-korpi tax-xogħol imwaqqfa qabel l-1979; jew
- impjegati mal-Gas Board sakemm dan spiċċa u wara kienu impjegati mal-korporazzjoni Enemalta; jew
- apprentisti mal-Malta Electricity Board sakemm dan spiċċa u wara kienu impjegati mal-korporazzjoni Enemalta.
- Ħaddiema tax-Xatt li kienu liċenzjati bejn l-4 ta’ April 1973 u l-1 ta’ Ġunju 2007 u li ma kinux hekk liċenzjati wara dan il-perjodu.