Stqarrija mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal: Sostenn fit-tul għal persuni li ħarġu mill-vizzju tad-droga
Numru ta’ Referenza: PR210722
Il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal issiġilla ftehim ieħor ta’ tliet snin mal-Caritas, biex jiggarantixxi s-servizz offrut f’Dar Charles Miceli, fil-Mosta. Ħabbar dan il-Ministru Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet, li matulha ntqal li l-Ministeru se jkun qed jinvesti mat-€800,000 f’dan is-servizz.
Il-ftehim milħuq, li jingħaqad ma’ oħrajn preċedenti, jixhed ir-rieda tal-gvern li jkun attivament involut fi programmi residenzjali għal persuni bi problemi ta’ dipendenza ta’ sustanzi. Dawn il-programmi joffru mezz ieħor ta’ ‘after care programmes’ għall-klijenti li jagħmlu użu minnhom, biex persuni li ħarġu mill-vizzju tad-droga jgħixu ħajja indipendenti.
Id-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt spjega li l-Fondazzjoni tal-Knisja, Caritas, qed tmexxi dan il-programm f’Dar Charles Miceli, illi nfetħet tliet snin ilu. Is-Sur Gatt ħabbar li 73% tal-klijenti li għamlu użu mill-programm ta’ rijabilitazzjoni mogħti minn din ir-residenza baqgħu ‘l bogħod minn kull vizzju relatat mad-droga.
Is-Sur Gatt irringrazzja lill-Ministru Falzon tal-appoġġ għat-tliet snin li ġejjin, hekk kif dan il-proġett se jkompli jagħmel iktar ġid ma’ persuni li qed jgħixu ħajja ‘l bogħod mill-vizzju tad-droga. Is-Sur Gatt qal li l-klijenti jirreferu għal Dar Charles Miceli bħala l-club tal-pożittività, fejn bniedem tassew jista’ jgħix ħajja mingħajr droga f’kumpanija sana.
Dan il-programm jibqa’ jingħata lill-persuni li ħarġu mill-problema tal-vizzju u huwa aċċessibbli 24 siegħa kuljum. Matulu jingħata appoġġ bijopsikosoċjali u interventi fit-tul anke kontra l-biża’ ta’ ‘relapse’. Fuq kollox, il-persuni li ħarġu mill-vizzju jibqgħu mħeġġa jinvolvu ruħhom f’attivitajiet sportivi u oħrajn li jinkoraġġixxu ħajja mingħajr droga.
Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti sostna li l-‘after care’ fil-qasam tar-rijabilitazzjoni m’għandiex tkun biss ħsieb, iżda għandha titwettaq b’mod professjonali u fit-tul. Sostna li ftehimiet bħal dawn huma konferma li hawn post għal kulħadd, filwaqt li wassal il-messaġġ li hawn għajnuna professjonali għal kull min jaħseb li jinsab fil-problema tal-vizzju tad-droga.
Il-Ministru Michael Falzon fakkar li, ftit tal-ġranet ilu biss, il-Ministeru ffirma ftehim mal-YMCA li jlaħħaq il-miljun u nofs ewro. B’hekk, b’kollox il-gvern alloka mat-18-il miljun ewro fis-sena biex jiffinanzja organizzazzjonijiet non-governattivi. “Dan kollu huwa xhieda ta’ gvern li verament jinteressah minn kulħadd, mill-minoranzi, miż-żgħir u l-batut, għax kulħadd ħaqqu jitla’ tarġa, għalhekk aħna gvern tan-nies għan-nies,” temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.