Stqarrija mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal: Jiġi ppubblikat rapport nazzjonali dwar l-użu tad-droga f’Malta
Numru ta’ Referenza: PR210483
Ġie ppubblikat ir-Rapport Nazzjonali dwar is-sitwazzjoni tad-droga f’Malta, dan wara xogħol li sar mill-Punt Fokali Nazzjonali tad-Droga. Ir-rapport jagħti stampa ċara tal-użu tad-droga fl-2018 u l-2019, kif ukoll jistudja l-effetti li ħalliet il-pandemija matul l-2020 f’dan ir-rigward.
Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet, li matulha ngħata rendikont tas-sitwazzjoni tad-droga f’Malta. Ir-rapport jindika li l-użu mid-droga kokaina baqa’ stabbli, li kien hemm żieda żgħira fejn jidħol użu mill-kannabis, filwaqt li n-numru ta’ persuni li jieħdu l-methadone naqas b’200. Ir-rapport jispjega li dan in-numru jaf huwa riżultat ta’ persuni li mhux jirrikorru għall-methadone.
Ir-rapport ippubblikat jispjega li l-offiżi marbuta ma’ traffikar u pussess naqsu iżda l-ammont ta’ droga li tiġi maqbuda qabel ma tispiċċa fit-triq żdied, b’mod partikolari droga kokaina, hekk kif minn qabda ta’ 190 kilo fl-2018, fl-2019 ġiet maqbuda 700kg.
Minkejja n-numru ta’ persuni li qegħdin ifittxu l-għajnuna b’rabta ma’ dipendenza fuq il-kokaina, dejjem qed tiżdied l-għajnuna mid-diversi residenzi li jilqgħu persuni b’dan it-tip ta’ vizzju.
Matul il-pandemija jirriżulta li, għalkemm naqsu l-attivitajiet tal-massa, in-nies baqgħu jagħmlu użu mid-droga fi djarhom.
Il-kannabis kompliet tkun l-iktar droga użata, warajha l-kokaina u l-eroina. Ir-rapport jispjega ukoll li l-emerġenzi marbuta mad-droga fl-isptarijiet fosthom Monte Karmeli naqsu.
Osservazzjoni pożittiva hija l-miżura innovattiva tat-Take Home Methadone, fejn numru ta’ klijenti ġew fdati sabiex jieħdu l-mediċina fi djarhom. B’hekk ma jkunx hemm iffullar fid-Detox, anke biex jiġu osservati l-miżuri biex tiġi miġġielda l-COVID-19.
Il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qal li huwa inkoraġġanti li 25% ta’ dawk li fittxew l-għajnuna kienu żgħażagħ, u dan juri li qed jirrealizzaw li jinsabu fi problema minn età żgħira.
Il-Ministru Michael Falzon qal li dawn in-nies ħaqqhom jingħataw ċans ieħor, mingħajr ma niġġudikaw. Stqarr li rridu nifhmu li d-droga mhijiex soluzzjoni imma problema, u li hemm nies li jduru għad-droga sabiex jinqatgħu mill-problemi l-oħra tal-ħajja. Bħala soċjetà, irridu naraw x’qed jimbotta lil dawn in-nies f’dan il-vizzju, temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.