Logo
Logo
  • MT
  • English

Stqarrija mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizza Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal u mill-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja: Imniedi studju ta’ riċerka dwar persuni b’diżabbiltà u x-xogħol

26.02.2021 | Stqarrija

Numru ta’ Referenza: PR210432

Imniedi sett ta’ linji gwidi li jassistu lil min iħaddem fl-inġaġġ ta’ persuni b’diżabbiltà

F’webinar organizzat mill-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà f’Aula Magna fl-Università l-antika fil-Belt, tnieda studju ta’ riċerka bil-għan li tinkiseb stampa aktar ċara fejn jidħlu persuni b’diżabbiltà u x-xogħol. Din ir-riċerka kienet tikkonsisti f’intervisti ma’ 336 persuna b’diżabbiltà u ma’ 52 employer. Tfasslu wkoll linji gwida mmirati biex jassistu lil min iħaddem fl-identifikazzjoni ta’ għajnuniet li jistgħu jeħtieġu biex jimpjegaw persuni b’diżabbiltà.

Dan il-webinar ġie indirizzat mill-Ministri Michael Falzon u Julia Farrugia Portelli.

Il-Ministru Michael Falzon tkellem dwar l-importanza li jkomplu jsiru studji li jidentifikaw oqsma sabiex aktar persuni b’diżabbiltà jkunu inklużi fid-dinja tax-xogħol. Il-Ministru Falzon qal li dan il-gvern żied l-allokazzjoni finanzjarja għal dan il-qasam, tant li din is-sena hemm allokati €35 miljun fis-sena, u dan hu konferma oħra ta’ kemm dan il-gvern irid ikompli jwettaq ġustizzja soċjali.

Il-Ministru Michael Falzon qal li l-persuni b’diżabbiltà fid-dinja tax-xogħol irduppjaw meta mqabbel mas-sena 2012 iżda dan xorta mhuwiex biżżejjed. Għalhekk il-gvern se jkompli jaħdem sabiex iħejji kundizzjonijiet tajba għal min iħaddem flimkien ma’ taħriġ speċjalizzat.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli esprimiet sodisfazzjon għar-rispons pożittiv fir-riċerka minn dawk li jħaddmu u li użaw is-servizzi ta’ Lino Spiteri Foundation u għall-appoġġ li ngħataw. Kien hemm ukoll rispons pożittiv għall-appoġġ u għall-għajnuniet finanzjarji li jingħataw l-employers fejn jirrigwarda impjiegi lil persuni b’diżabbiltà. Qalet iżda li minn din ir-riċerka jirriżulta li b’mod ġenerali dawk li jħaddmu jaqblu li m’hemmx biżżejjed għarfien u assistenza teknika li tingħata lil min iħaddem dwar xogħol lil persuni b’diżabbiltà.

“Għalhekk jeħtieġ li bħala gvern fix-xhur li ġejjin inniedu kampanji ta’ għarfien anke flimkien mat-trade unions biex fix-xhur li ġejjin min iħaddem isir aktar konxju tad-diżabbiltajiet fuq il-post tax-xogħol. Dawn jgħinu biex kull ħaddiem ikun jaf kif irid iġib ruħu quddiem sitwazzjonijiet li qatt ma jkun iltaqa’ magħhom. Konvinta li l-linji gwida li ġew imnedija llum se jkunu qed iservu ta’ għodda biex jgħinu fil-proċess tal-ħolqien ta’ aktar opportunitajiet ta’ xogħol għal persuni b’diżabbiltà,” ikkonkludiet il-Ministru Farrugia Portelli.

​Il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà Samantha Pace Gasan tkellmet dwar l-importanza tal-impjieg għal persuni b’diżabbiltà. “Ir-riċerka tal-lum hija bażi sabiex naslu għall-pass li jmiss, il-pass li naraw inizjattivi u servizzi aħjar anke fuq il-postijiet tax-xogħol”. Fil-konklużjonijiet tagħha, sostniet li l-Kummissjoni se tibqa’ miftuħa għad-djalogu mal-partijiet konċernati sabiex tara li r-rakkommandazzjonijiet li ħarġu minn din ir-riċerka jiġu implimentati.

Is-Sur Anton Vella f’isem l-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem, l-MEA, saħaq li riċerka bħal din importanti li ssir minn żmien għal żmien sabiex tiġi identifikata r-realtà fuq il-post tax-xogħol u dan anke minħabba li jeżistu perċezzjonijiet differenti.

Id-Direttur tal-EU Advisory Services fi ħdan Ernst & Young, is-Sur Simon Lee Barberi, ta rendikont tal-metodoloġija li ntużat għal din ir-riċerka u ta’ dak li ħareġ minnha kemm min-naħa tal-impjegati b’diżabbiltà u anke min-naħa ta’ min iħaddem.

Din ir-riċerka tagħmel parti minn ESF 2.63 Project – Knowledge, Training, Communications and Support Measures in Support of Vulnerable Groups. Ir-riċerka ġiet kummissjonata lil Ernst and Young (Malta) permezz ta’ tender pubbliku u lil Dr Anne Marie Callus li kienet il-key expert dwar id-diżabbiltà.

Il-pubblikazzjonijiet jinsabu online u jistgħu jkunu aċċessibbli minn fuq il-website: https://www.crpd.org.mt/publications ​