Logo
Logo
  • MT
  • English

Stqarrija mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal: Il-Qorti tal-Familja tilqa’ rikors tal-Ministeru

11.02.2021 | Stqarrija

Numru ta’ Referenza: PR210301

Il-Qorti tal-Familja tilqa’ rikors tal-Ministeru biex il-każ tal-minuri li tħarbet barra l-pajjiż ikun meqjus bħala ‘Child Abduction’.​

Il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal jilqa’ b’sodisfazzjon sentenza mogħtija mill-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Familja) wara rikors li sar mill-Ministru Michael Falzon sabiex il-każ tat-tifla li tħarbet mill-pajjiż f’Ottubru li għadda jkun meqjus bħala ‘Child Abduction’.

Il-Qorti tal-Familja, ippreseduta mill-Imħallef Jacqueline Padovani Grima LL.D., tat sentenza li permezz tagħha ddikjarat illi l-minuri ttieħdet barra minn Malta b’mod illeċitu u bi ksur tal-liġi ta’ Malta kif ukoll ta’ konvenzjoni internazzjonali fir-rigward.

L-istess Qorti ddikjarat ukoll li l-minuri ttieħdet barra mill-pajjiż mingħajr il-kunsens ta’ min seta’ jagħti tali kunsens bi ksur tal-istess liġijiet, kif ukoll ordnat illi hekk kif il-minuri tinstab barra minn Malta, din tiġi rritornata hawn Malta b’mod immedjat.

Hekk kif il-Ministru Michael Falzon kien infurmat f’Ottubru 2020 illi l-minuri kienet ittieħdet barra mill-pajjiż minn ommha bijoloġika, minkejja li l-istess minuri kienet tinsab taħt ordni għall-ħarsien, huwa daħal f’kollaborazzjoni sħiħa mal-awtoritajiet fil-pajjiż sabiex isir kull tentattiv biex il-minuri tinstab u tinġieb lura Malta.

Il-pass li kien imiss kien illi jsiru proċeduri fil-Qrati ta’ Malta sabiex jiġi ddikjarat b’mod uffiċjali li l-minuri kienet ittieħdet minn Malta b’mod illegali u li l-minuri kellha għalhekk tinġieb lura għall-ħajja li hija familjari għaliha, immedjatament kif l-istess minuri tinstab.

Il-Ministru Falzon jilqa’ din is-sentenza b’sodisfazzjon għax tkompli ssaħħaħ l-isforzi li saru u li qed isiru mill-awtoritajiet f’Malta sabiex il-minuri tinstab u tinġieb lura Malta.

Din is-sentenza issa se tkun qiegħda tiġi kkomunikata mal-awtoritajiet rispettivi f’pajjiżi oħra sabiex hekk kif il-minuri tinstab, il-Qrati ta’ barra jkunu jistgħu japplikaw u jenforzaw is-sentenza mogħtija u jordnaw ir-ritorn tal-minuri lejn Malta.