Stqarrija mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal: Pass ieħor ’il quddiem lejn l-adozzjonijiet lokali

26.01.2021 | Stqarrija

Numru ta’ Referenza: PR210150

Il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal laqa’ proposti mingħand il-pubbliku u minn entitajiet li jaħdmu fil-qasam tal-adozzjonijiet tat-tfal sabiex jikseb aktar għarfien dwar dan is-suġġett delikat u li joħloq emozzjonijiet diversi. Dan wara konsultazzjoni pubblika li tnediet f’Novembru li għadda u li għaliha, entitajiet, aġenziji privati għall-adozzjonijiet, koppji u foster carers taw l-opinjonjet tagħhom.

F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru Michael Falzon u mill-konsulenta legali Daniela Azzopardi Bonanno, tħabbar ukoll li l-fażi li jmiss hija li jsir eżerċizzju ieħor ta’ konsultazzjoni, din id-darba mat-tfal infushom li jinsabu taħt kura alternattiva.

Il-konsulenta legali Daniela Azzoaprdi Bonanno ppreżentat sommarju tal-proposti li fil-maġġoranza tagħhom iduru mal-kunċett u mal-bżonn li nagħtu aktar stabbiltà, permanenza u direzzjoni fil-ħajja tat-tfal.

SOMMARJU TAL-PROPOSTI MOGĦTIJA

  • Adozzjoni tkun iffukata fuq l-interessi tat-tfal infushom filwaqt li kull leġiżlazzjoni tkun konformi mal-artiklu 12 tal-UNCRC filwaqt li nifhmu eżattament kif għandna nadottaw dan il-prinċipju.
  • Nisimgħu lit-tfal u nieħdu inkonsiderazzjoni dak li jgħidu t-tfal.
  • Ideat differenti dwar kif għandu jsir il-matching
  • Taħriġ fuq l-etika u s-sitwazzjonijiet personali tat-tfal
  • Numru ta’ proposti dwar il-kunjom il-ġdid tat-tifel jew tat-tifla, b’uħud jargumentaw dwar il-possibilità li t-tfal iżommu kemm il-kunjom li twieldu bih u l-kunjom il-ġdid tal-familja adottiva. Fl-aħħar mill-aħħar għandu jkun il-minuri li jiddeċiedi dwar il-kunjom tiegħu anke permezz ta’ sapport emozzjonali.
  • Proposta minnhom tgħid li jkun ta’ offiża għall-ġenituri adottivi li ma jkollhomx il-kunjom tagħhom fuq l-isem tat-tfal adottati. Dwar dan il-punt ingħad li t-tfal ikunu suġġettibbli għal iktar stigma minn tfal oħra.
  • Tibdil tal-aġenzija li tkun assistiet lit-tfal meta jkunu ġew adottati.
  • Profil mediku tal-ġenituri bijoloġiċi sabiex it-tfal adottivi jkunu jafu l-identità medika tagħhom.
  • Kuntatt mal-familja bijoloġika, mhux biss il-ġenituri bijoloġiċi imma anke n-nanniet. Familji adottivi għandhom jiffaċilitaw il-kuntatt mal-familja bijoloġika iżda nżommu f’moħħna ċ-ċirkustanzi tal-familji adottivi.
  • Kuntatt bejn il-ġenituri adottivi u l-ġenituri bijoloġiċi.

Il-Ministru Michael Falzon qal li din il-konsultazzjoni pubblika hija l-ewwel pass sabiex ikunu ffaċilitati l-adozzjonijiet lokali f’pajjiżna fejn fil-preżent hawn iktar minn 400 tifel u tifla li jinsabu taħt kura alternattiva u li mhumiex jgħixu mal-ġenituri naturali tagħhom.

Saħaq li dan huwa parti minn proċess fejn inkomplu nżidu d-drittijiet u l-ugwaljanza f’pajjiżna, speċifikament fejn jidħlu d-drittijiet u l-protezzjoni tat-tfal. Il-Ministru Michel Falzon qal li l-adozzjonijiet bejn pajjiżi differenti huma iktar kumplessi, hemm liġijiet ta’ pajjiżi differenti u iktar burokrazija u spejjeż fost l-oħrajn. Għalhekk issa huwa ż-żmien li nimbuttaw il-kunċett ta’ adozzjonijiet lokali għalkemm jeħtieġ kuraġġ u anke bidla ta’ kultura, li mhux se ssir mil-lum għal għada, imma jeħtieġ li tibda.

“Wieħed mill-għanijiet ta’ dan il-proċess huwa l-kunċett ta’ open adoptions li mhuwiex popolari f’Malta iżda wasal iż-żmien li nibdew nesploraw dawn il-possibilitajiet. Ejja nressqu t-tibdil legali li hemm bżonn u nagħmluha aktar faċli għall-partijiet kollha konċernati filwaqt li ninkorporaw il-liġi ta’ tletin sena tal-UNHCR fejn fil-preżent hemm partijiet minnha li mhux riflessi fil-liġijiet tagħna”, ikkonkluda l-Ministru Michael Falzon

Font Resize