Logo
Logo
  • MT
  • English

Stqarrija mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal: Gvern għan-Nies – il-Ministeru għall-Familja jwettaq iktar minn 90% tal-wegħdiet mill-manifest elettorali

22.01.2021 | Stqarrija

Numru ta’ Referenza: PR210129

Il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal wettaq medja ta’ 90% tal-proposti tal-manifest elettorali li jaqgħu taħt dan il-ministeru. B’kollox hemm 34 miżura li taqa’ taħt din il-kappa soċjali, li jfisser li l-maġġoranza tal-miżuri diġà qed joperaw, b’uħud oħra li se jiġu implimentati fix-xhur li ġejjin.

Dan tħabbar mill-Ministru Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet bħala parti mill-kampanja ‘Gvern għan-Nies’, f’Ħal Tarxien.

Il-Ministru Michael Falzon qal li l-ġid soċjali huwa l-aktar ħaġa fundamentali fis-soċjetà u għalhekk dan il-gvern qed jimplimenta mill-aktar fiss il-miżuri mwegħda u li jagħmlu differenza tanġibbli fil-ħajja tan-nies. Uħud mill-miżuri mwettqa jinkludu dawk taħt id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, ewlenija fosthom miżuri relatati ma’ pensjonijiet, inġustizzji mwettqa fil-passat, miżuri soċjali intiżi biex ikomplu jeliminaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali, għajnuniet lill-familji (children’s allowance, child bonus, adozzjonijiet, fostering), il-liġi tal-protezzjoni tat-tfal u miżuri oħra li jolqtu direttament lil persuni b’diżabilità.

Il-ministru qal li dan il-ministeru wettaq diversi miżuri li ddaħħlu għall-ewwel darba speċjalment fil-qasam tat-tfal. Semma li llum bil-liġi l-ġdida hemm żewġ direttorati li jiffukaw fuq il-ħarsien tat-tfal, ingaġġ ta’ pedjatra full-time mal-FSWS, iċ-ċentru ta’ riabilitazzjoni tad-droga għall-adoloxxenti fl-Ibwar b’nefqa ta’ €4 miljun kapital u miljun ewro fis-sena għat-tħaddim tiegħu, €10,000 għal dawk il-familji li jadottaw tfal minbarra l-pajjiż kif ukoll finanzjament għal min jadotta tfal minn Malta stess.

Quddiem dawn it-tragwardi kollha, il-Ministru Falzon qal li jeħtieġ nibqgħu viċin in-nies, speċjalment ta’ dawk l-iktar vulnerabbli. B’hekk tkompli titwettaq ġustizzja soċjali ma’ dawk li verament huma fil-bżonn.​